Sunday, May 5, 2024

L-INNU MALTI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ma naqbilx ma min jipproponi li nibdlu b’xi mod l-innu Malti. Il-mużika hi tal-akbar preġju bħala innu modest imma dinjituż, kif jixraq lil pajjiż ckejken ħafna. It-test miktub minn dun Karm Psaila għandu konċentrament ta’ ħsieb li bi kwalunkwe kejl, hu ammirevoli. Veru li hemm bażi ta’ reliġjożita Kattolika fl-espressjoni. Imma dan m jdejjaqx, anke lil xi ħadd bħali li m’inix reliġjuż. Wara kollox, il-fidi Kattolika hi parti mill-istorja tagħna.

Il-kritika li ssir tal-użu tal-verb ħakem fil-versi tal-innu ma tantx treġi. Dan l-użu ma jfissirx xi qbil ma’ ħakma barranija jew elitista. Hi referenza għall-governanza bil-galbu tal-pajjiż, li jkollok taqbel magħha. 

Fejn xejn ma tkisser, ejja ma nsewwux.

L-EFFETTI TAS-SĦUBIJA

Hi ħaġa minn ewl id-dinja fil-ħajja tal-bnedmin li meta kawża tkun intrebħet u bdiet titwettaq, mal-mogħdija tas-snin il-fehma li dak li twettaq ta riżultati ta’ ġid issir parti mill-ideoloġija dominanti. Dan bħal meta tintrebaħ gwerra: il-mod ta’ ħsieb u l-interessi tar-rebbieħ isiru parti “naturali” mill-ambjent ekonomiku u soċjali fil-pajjiż rebbieħ u f’dak tellief.

Hekk ġara kemm Malta ilha li ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Il-mod kif isiru l-istqarrijiet dwar il-vantaġġi tas-sħubija minn politiċi, akkademiċi, ekonomisti, negozjanti, ġurnalisti u oħrajn ma juri l-ebda sens kritku ta’ x’seta ġara kieku l-affarijiet seħħew mod ieħor. Il-fehma hi li l-istatus quo preżenti hu awtomatikament l-aħjar wieħed.

Żgur kien hemm l-istess fehma snin twal ilu, meta r-Renju Unit wara li tajjar lill-Franċiżi minn Malta, ħa pussess ta’ dawn il-gżejjer.

FEJN SAR ĦAŻIN

Fil-politika tipprattikaha kif tipprattikaha, mix-xellug, lemin jew ċentru, hemm ħaġa waħda li toħloq l-akbar diffikultajiet: dik li jkollok tammetti li int jew sħabek għamlu xi żball – jew agħar ikkommettew xi “dnub”. Ammissjoni bħal din toħloq taħwid fuq ġewwa u tipprovoka attakki akbar minn barra. Aktar u aktar jekk fin-nofs tidħol il-barma ta’ xi ħidma li titqies korrotta jew kriminali.

Il-fehma popolari hi li l-politikanti tant huma xierfa li f’okkażjonijiet hekk jaraw kif jinnegaw fatti magħrufa jew jinjorawhom jew anke jiddefendu dak li ma tistax tiddefendi.

Ma naqbilx li dejjem jiġri hekk. In-nies fil-politika… talanqas l-akbar parti minnhom… mhux biss għandhom kuxjenza imma jipprovaw jimxu skont il-prinċipji ta’ moralità korretta quddiem sitwazzjonijiet bħal dawk li qed insemmu. Biss biex inaqqsu kull kjass li jista’ jinqala’, jipprovaw jagħmlu dan mhux b’mod publiku imma kważi bil-moħbi.

Il-problema hi li meta l-biċċa ssir magħrufa, il-ħabi li sar jitqies, mhux bla raġun, bħala fattur li jaggrava l-problema.

Sport