Saturday, December 21, 2024

L-INSULARITÀ… SAR ŻBALL

Aqra wkoll

Il-fatt li aħna maqtugħa bil-baħar mill-kontinent Ewropew (jew Afrikan, jekk tippreferi) bla dubju joħloq żvantaġġi kbar għat-tisħiħ tal-komunità li tgħix hawn. Fuq quddiem nett hemm li konnessjoni mal-“bqija” hi aktar diffiċli minn ta’ inħawi oħra, u l-ieħor (marbut miegħu) ta’ suq li minħabba ċ-ċokon ikollu jġorr spejjeż akbar biex jirċievi, jaħzen u jipproduċi l-oġġetti li jeħtieġ. 

Huma ġustifikati għalhekk miżuri li jaraw kif se jikkumpensaw għall-iżvantaġġi. Bħal pereżempju, b’tassazzjoni li tkun differenti minn ta’ ħaddieħor — għalkemm xorta waħda trid tkun sistema ċara u trasparenti. 

Din kienet raġuni ewlenija għaliex jien ma’ oħrajn, ma qbiltx — u għadni nqis li sar żball — mas-sħubija sħiħa ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Mhux għax l-Unjoni hi xi ħaġa ħażina, imma għax min-natura stess tagħha, bilfors trid tinsisti għal regoli li japplikaw bl-istess mod għal kulħadd, li għal gżejjer joħloq tensjonijiet.

IL-MAGNA TAL-PARTITI

Il-partiti politiċi naqqsu mill-preżenza tagħhom fil-pjazez u t-toroq tal-komunitajiet tagħna. Filfatt qed iħaddmu mezzi biex iwasslu l-messaġġi tagħhom li lanqas jirrekjeduha. Nammetti li kont wieħed minn dawk fl-imgħoddi li kkontribwew biex dil-ħaġa sseħħ.

Il-konsolidament tal-publikazzjoni ta’ gazzetti u aktar minn hekk il-ħolqien ta’ stazzjonijiet tar-radjo u t-televixin taw spinta differenti għal kif partit jikkomunika maċ-ċittadini. Nemmen li dawn il-mezzi “partiġġjani” għadhom meħtieġa u għandhom jinżammu. Magħhom ingħaqad imbagħad aktar tard l-użu tal-mezzi soċjali fuq l-internet.

Dawn l-iżviluppi kellhom l-effett li jiċċentralizzaw aktar il-poter fi ħdan il-partiti. Ħamsin sena ilu, meta t-tmexxija tal-partiti kienet titqies bħala waħda kariżmatika jew “awtoritarja”, iċ-ċentru tal-partit seta’ jikkmanda wisq anqas mil-lum kif partit jiddeċiedi u jagħżel.

IL-KONFERFENZA DWAR IL-FUTUR TAL-EWROPA

Għamel tajjeb il-gvern Malti li flimkien ma’ pajjiżi membri oħra tal-Unjoni Ewropea ffirma stqarrija fejn intqal li m’għandux ikun hemm xi konklużjoni awtomatika wara li ntemmet il-konferenza dwar il-futur tal-Ewropa, biex jinbidlu t-trattati li bħalissa jirregolaw l-Unjoni. Il-ħsieb wara bidla bħal din żgur ikun li tiddaħħal dejjem aktar, regola li deċiżjonijiet ewlenin jittieħdu mhux b’unanimità, imma b’maġġoranza ta’ ċertu proporzjon.

Misjuqa minn spirtu federalist, dik kienet il-lanja li ħadet il-konferenza. Imma bl-ebda mod m’għandu jitqies li l-konferenza kellha xi leġittimità demokratika aktar milli toħroġ b’ideat u suġġerimenti. F’sistema demokratika, il-konklużjonijiet tagħha ma jistgħu jorbtu lill-ebda poplu. 

Ċertament fiż-żmien li ġej, se jkun hemm sforzi diplomatiċi maħsuba biex idaħħlu aktar federaliżmu fit-tmexxija Ewropea. Ma nistagħġibx jekk dawn jieħdu s-sura ta’ diskussjonijiet bejn elites li jagħżlu lil min ikellmu u ma’ min jitkellmu.  

Ekonomija

Sport