Saturday, December 21, 2024

L-Internet bħala Dritt Uman?

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jista’ jagħti l-każ li dawk kollha li qegħdin jaqraw dan l-artiklu, jistaqsu: imma t-teknoloġija mhux diġà tinsab għand kulħadd? Allura għaliex qed nitkellmu fuq il-fatt li kulħadd għandu jkollu aċċess għall-internet u b’mod aktar wiesa’ għat-teknoloġija? Iva – tul iż-żminijiet it-teknoloġija saret aktar aċċessibbli iżda xorta għadha mhix aċċessibbli għal kulħadd. Apparti dan irrid infakkar li hemm teknoloġiji differenti bħall-intelliġenza artifiċjali li huma aktar kumplessi mill-użu tal-internet, per eżempju.

Il-ġimgħa li għaddiet, tħabbar infatti li fil-kapaċità tiegħi ta’ Membru Parlamentari Ewropew, ġejt appuntata bħala negozjatriċi tas-Soċjalisti fuq żewġ files, wieħed li jikkonċerna l-programm ta’ politika lejn il-Path to the Digital Decade, u l-ieħor li jikkonċerna opinjoni tal-Kumitat tat-Trasport fuq ir-regoli li għandu jkun hemm dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. 

Meta nitkellmu fuq il-Path to Digital Decade, qed nitkellmu fuq il-miri Ewropej li rridu nilħqu sal-2030. Insemmi per eżempju, il-fatt li rridu naraw li sas-sena 2030, 80% ta’ dawk li għandhom bejn 16 u 74 sena għandu jkollhom ħiliet diġitali bażiċi; li 75% tal-intrapriżi Ewropej jibdew jagħmlu użu mill-cloud computing, big data, u intelliġenza artifiċjali; u li 90% tan-negozji żgħar u medji jkunu laħqu livell bażiku ta’ intensita’ diġitali. 

Forsi jkun hawn min jgħidlek, mhux diġà hemm il-mekkaniżmi kollha aċċessibbli biex dawn il-miri jintlaħqu bl-aktar mod effiċjenti? It-tweġiba tiegħi tkun iva, u le – għaliex għalkemm hemm diversi inizjattivi u inċentivi li jgħinu f’dan ir-rigward, xorta waħda jibqa’ sfidi u barrieri għal ċertu sezzjonijiet tas-soċjetà. Insemmi per eżempju, in-nies li jgħixu fuq il-paga minima, u li l-internet huwa kapriċċ li ma jistgħux jaffordjaw. Inkella ma jaffordjawx jixtru kompjuter jew smart phone diċenti. Dawn il-persuni ukoll irridu nieħdu ħsiebhom, u huwa għalhekk li tajjeb naħsbu serjament fuq jekk għandux ikun hemm dritt uman għall-internet, bħalma hemm drittijiet umani għall-edukazzjoni u anke d-dritt għall-aċċess għal kura tas-saħħa affordabbli. Kull persuna, hi min hi, ġejja minn fejn ġejja, għandu jkollha d-dritt li tikkomunika, u li titgħallem bir-riżorsi kollha possibbli; u f’dawn iż-żminijiet l-internet hu għodda essenzjali għall-komunikazzjoni – għalhekk għandna nesploraw il-possibbiltà li jidħol dan id-dritt.

Meta imbagħad nitkellmu fuq l-intelliġenza artifiċjali, is-suġġett jikkumplika aktar ruħu xi ftit jew wisq. Forsi ssib min jgħidlek li dan il-qasam ma tantx hu aċċessibbli għan-nies komuni, u aktar jikkonċerna lin-negozji. Imma rrid ngħid, li kull ma jmur hu mistenni li l-intelliġenza artifiċjali tibda tintuża b’mod aktar wiesgħa u effiċjenti.

F’dan il-qasam qed inħarsu li nirregolaw per eżempju sitwazzjoni ta’ karozza misjuqa minn sistema ta’ intelliġenza artifiċjali li taħbat; f’dak il-każ min jeħel id-danni? Naturalment, dawn kollha affarijiet li għadhom qed jiġu diskussi, u huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta fejn għażlet li ċertu setturi tidentifikahom bħala riskjużi – fosthom l-intelliġenza artifiċjali fit-trasport, u anke fis-saħħa, fejn għandek il-possibbiltà wkoll li sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jagħmlu ċertu operazzjonijiet.

Irrid ngħid li għalkemm l-intelliġenza artifiċjali taf tinstema’ komplikata diġà tinstab f’ħafna mill-affarijiet li nużaw bħalissa. Jekk per eżempju nitkellmu fuq l-ismart phones li ħafna minna għandna, iċ-ċans hu li diġà jagħmlu użu mill-intelliġenza artifiċjali, speċjalment jekk iċ-ċellulari jkollu assistent diġitali bħal Siri tal-Apple, jew Bixby tas-Samsung. 

Fejn tidħol it-teknoloġija, l-aċċess għaliha u d-diġitalizzazzjoni fadlilna ħafna fejn naħdmu u għandna miri li rridu nilħqu. Is-sena li għaddiet diġà l-Parlament Ewropew approva rapport b’maġġoranza tajba dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili b’rabta ma’ prodotti li jinkludu l-intelliġenza artifiċjali, liema rapport kelli l-okkażjoni naħdem fuqu b’mod dirett mill-lenti tal-qasam tat-trasport. Inħares ’il quddiem biex il-ħidma diġitali ġdida li ġejt fdata biha nwettaqha bl-aħjar mod possibli sabiex nassiguraw li jkollna regoli ċari u miri fattibbli li jassiguraw li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura.

www.josiannecutajar.com

www.socialistsanddemocrats.eu

Ekonomija

Sport