Thursday, December 26, 2024

L-intervent tal-Gvern qed jillimita iż-żieda fil-qgħad

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

Wara ġimgħat ta’ spekulazzjoni fuq l-impatt ekonomiku tal-COVID-19, finalment bdiet toħroġ il-verità fuq l-andament ekonomiku permezz ta’ statistika uffiċjali. Dan wara li diġa fil-ġimgħat li għaddew grazzi għal informazzjoni mogħtija mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kien qed joħroġ kemm il-persuna kienet qed tieħu l-benefiċċju addizzjonali tal-qgħad.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jindika li sa tmiem Marzu n-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad kien 2,125. Din tfisser żieda ta’ 466 persuna komparat ma’ Frar. L-ammont ta’ nies jirreġistraw sa l-aħħar ta’ Marzu b’hekk reġa’ lura għal livell li kien f’Diċembru 2017.

Ta’ min ifakkar li f’Marzu 2013 kien hawn 7,350 persuna fuq ir-reġistru, mentri fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009 l-ammont ta’ nies ifittxu mpjieg kien kważi mess it-8,000. L-ogħla ammont ta’ qgħad f’pajjiżna mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea kien f’Settembru 2004, meta ċ-ċifra ta’ dawk ma jaħdmux kienet laħqet 8,197 persuna.  

Filfatt meta wieħed iħares lejn l-ammont ta’ nies jirreġistraw fix-xahar ta’ Marzu mill-Indipendenza ‘l hawn wiehed issib li l-ammont fl-2020 kien it-tielet l-anqas fl-istorja ta’ pajjiżna minkejja l-impatt tal-coronavirus. Bħala medja fuq 55 sena l-medja ta’ qgħad fix-xahar ta’ Marzu kienet 6,351, jew tlett darbiet aktar mill-ammont ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw ix-xahar li għadda. 

Anke bħala żieda xahar fuq xahar, iż-żieda fin-numru ta’ nies jirreġistraw osservata bejn Frar u Marzu 2020 ma kinitx waħda mill-ogħla osservati f’pajjiżna. L-ogħla żieda osservata fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena kienet bejn Awwissu u Settembru 1995, meta l-ammont ta’ nies fuq ir-reġistru kien tela’ b’740.

Iż-żieda osservata fl-ewwel xahar li fih pajjiżna kien affettwat mill-COVID-19 kienet simili għaż-żieda ta’ 426 persuna li kien hemm bejn Diċembru 2012 u Jannar 2013 meta l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet milquta mill-krizżi politika meta amministrazzjoni preċedenti kellha ssejjaħ elezzjoni ġenerali wara li tilfet il-vot għall-approvazzjoni tal-budget. Fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009, bejn Diċembru 2008 u Jannar 2009, in-numru ta’ nies jirreġistraw kien żdied b’627. B’mod simili bejn Diċembru 2003 u Jannar 2004 kien hemm żieda ta’ 528 persuna għax pajjiżna kien qed iwettaq riformi strutturali ħalli jkun jista’ jidħol membru tal-UE.  Anke bejn Dicembru 2001 u Jannar 2002 kien hemm żieda ta’ 510 persuna fuq ir-reġistru frott il-kriżi ekonomika li kienet akkumpanjat l-attakki terrostiċi ta’ 9/11.

Iż-żieda fl-ammont ta’ persuni jirreġistraw f’Marzu 2020 kien l-aktar fost persuni ta’ età bejn 30 u 44 sena, fejn kien hemm żieda ta’ 208 persuna qiegħda. L-anqas żieda kienet fost żgħażagħ ta’ taħt l-20 sena fejn l-ammont jirreġistraw tela’ b’5. Fil-gżira Għawdxija l-ammont ta’ nies qiegħda żdied b’20. L-ammont ta’ persuni b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol żdied bi 2 biss. 

Skont il-Jobsplus iż-żieda f’dawk li jirreġistraw kienet l-aktar għal xogħol bħala clerical support jew bħala technicians, b’żieda ta’ 228 fuq Frar li għadda. B’kuntrast iż-żieda fl-ammont ta’ dawk li qed ifittxu xogħol elementarju kienet ta’ 34 biss, jew ftit aktar miż-żieda ta’ 31 li kien hemm fost dawk li jfittxu xogħol manigerjali.  

Dan hu indikazzjoni ta’ kemm l-iskemi ta’ għajnuna tal-Gvern qed ikunu effettivi biex jillimitaw iż-żieda fil-qgħad. Fi kriżijiet preċedenti l-ewwel persuni li kienu jiġu mkeċċijin kienu dawk b’xogħol bażiku. Minħabba li l-Gvern qed jiggarantixxi l-ħlas tal-paga minima, dan wassal biex dan ma jseħħx daqstant. L-istess fejn jidħlu persuni b’diżabilità, l-miżuri li ħa l-Gvern wassal biex dawn jibqgħu d-dar imma xorta jżommu l-impjieg. Bl-istess mod il-miżura biex azjendi Għawdxin igawdu minn appoġġ relativament aktar b’saħħtu jidher li llimita ħafna t-telf ta’ mpjiegi fil-gżira Għawdxija.

Fatt interessanti li joħroġ mill-istatistika tal-NSO hija li minkejja l-kriżi tal-COVID-19 l-ammont ta’ persuni li kien ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena naqas minn 611 fi Frar ghal 596 f’Marzu. Dan huwa ndikazzjoni li f’ċertu setturi xorta għandhom qed jiġu kkreati mpjiegi ġodda, grazzi għall-miżuri favur il-likwidità kif ukoll id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jimplimentax lockdown komplet.

Meta bdiet tinħass il-pandemija fl-Ewropa, kien hemm diversi li bassru li l-qgħad f’pajjiżna kien ser jikber b’aktar minn 55,000. Din l-istima imbagħad bdiet titnaqqas kulma jgħaddi ż-żmien għax il-Gvern beda jħabbar mizuri bla preċedent waħda wara l-oħra li wasslu biex in-negozji għażlu li jżommu l-ħaddiema mpjegati magħhom. Din l-għażla qed iġġib fix-xejn il-kritika tal-Oppożizzjoni li l-fatt li l-Gvern zied il-benefiċċju għall-qgħad kien ser ifisser li ser jiżdied il-qgħad għax min iħaddem  kienu ser jużaw dan biex ikeċċu l-ħaddiema. Minflok sa issa hemm aktar minn 17,000 sid tax-xogħol li applikaw biex iżommu il-ħaddiema u jingħataw sussidju mingħand il-Gvern.

Tul dan il-perijodu ta’ sfida spikkat in-negattivitaà tal-Oppożizzjoni. Minbarra l-interventi li għamlu kelliema tal-Oppożizzjoni, spikkaw ukoll diversi stejjer negattivi li għamlu l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista. Eżempju ċar kienet storja li xxandret min-Net News li l-kumpanija tal-ajru Medavia ser tagħlaq u li tat is-sensja lill-ħaddiema taghha. Jumejn wara Net News spiċċaw kellhom jirtiraw l-istorja u minflok jippublikaw stqarrija tal-Medavia fejn din qalet li mhux veru ser tagħlaq kif ukoll li għadha timpjega 200 ħaddiem. Anke waqt il-konferenzi stampa mogħtija mis-Supretendent tas-Saħħa ċerti ġurnalisti kienu kontinwament jargumentaw li hemm bżonn lockdown komplet.  

Wara li din il-ġimgħa ħarġet l-istatistika fuq l-impatt tal-COVID-19 fuq il-qgħad f’pajjiżna, hemm stennija għall-istqarrija li ser tkun qed toħroġ il-Eurostat fit-30 ta’April fejn se jiġu ppreżentati għall-ewwel darba l-impatt fuq ir-rata tal-qgħad madwar il-pajjiżi tal-UE. 

Ekonomija

Sport