“Ma nixtieq lil ħadd li jaħseb li aħna kontra l-ħarsien ta’ l-ambjent għax bħala kumpanija, Express Trailers dejjem emmnet fil-valuri ta’ sostenibbiltà. Għaldaqstant, filwaqt li m’aħniex kontra l-prinċipju tad-direttiva ETS, mhuwiex sew li Malta qed titpoġġa fl-istess keffa ma’ dawk l-operaturi li joperaw f’pajjiżi fejn m’għandhomx l-iżvantaġġ li jiddependu biss fuq it-trasport bil-baħar. M’aħniex qed nitkellmu bħala kumpanija iżda fl-interess ta’ l-ekonomija Maltija,” jgħid Etienne Attard, il-Kap Eżekuttiv ta’ Express Trailers, waħda mill-kumpaniji ewlenin ta’ trasport u loġistika f’Malta.
Fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nisimgħu ħafna iżjed dwar id-direttiva ETS ta’ l-Unjoni Ewropea – direttiva li ddaħlet mill-1 ta’ Jannar bl-iskop li tikkontrolla u tnaqqas l-emissjonijiet li jiġġeneraw ċertu setturi.
Fejn qabel, din id-direttiva ETS kienet tapplika għat-trasport fuq it-toroq, mill-1 ta’ Jannar din id-direttiva bdiet tapplika għat-trasport marittimu u huwa għalhekk li se nisimgħu iżjed dwar din id-direttiva minħabba li din tolqot l-importazzjoni ta’ dak kollu li jiġi Malta.
“Filwaqt li nifhmu li d-dinja qed tipprova tnaqqas l-emissjonijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, l-introduzzjoni ta’ din id-direttiva kienet diżappunt kbir għalina. U hawnhekk mhux qed nitkellem biss għalina bħala kumpanija, iżda għal Malta għax pajjiżna diġa huwa żvantaġġjat bil-fatt li aħna gżira u niddependu totalment mit-trasport bil-baħar,” spjega Etienne Attard.
Id-direttiva ETS ilha ġejja u filwaqt li fil-bidu, din kienet qed tkun applikata għat-trasport bit-triq, minn Jannar din bdiet tapplika għat-trasport bil-baħar b’mod speċjali għalina li nittrasportaw minn u lejn l-Ewropa.
“Sa llum, wieħed miż-żewġ operaturi tat-trasport bil-baħar biss għadu ddikjara żieda fil-prezz tat-trasport minħabba din id-direttiva ETS u qed nistennew lit-tieni operatur biex jippubblika r-rati l-ġodda tiegħu. Dawn iż-żidiet, flimkien mal-prezz ta’ l-inflazzjoni u ż-żieda tal-COLA bilfors li se jaffettwaw il-prezz tas-servizz u se jġiegħlna nirrevedu t-tariffi tagħna. U minħabba li l-operat tagħna jsir fuq it-toroq madwar l-Ewropa, iż-żidiet fl-Ewropa se jkollhom jiġu kkunsidrati wkoll,” żied jgħid is-sur Attard.
Huwa spjega li bħala kumpanija, Express Trailers ilha għal dawn l-aħħar snin tapplika pjan strateġiku ta’ investiment f’trasport iżjed sostenibbli fejn investiet miljuni biex tibni flotta ta’ vetturi li huma kollha Euro 6 – vetturi li għenuha tnaqqas ħafna l-konsum ta’ fuel u b’hekk, tħallas l-inqas prezz possibli ta’ road tolls.
Is-sur Attard spjega li għalkemm għadu mhux magħruf x’effett din id-direttiva se jkollha fuq in-negozju tal-kumpanija, il-pajjiż għandu bżonn jara x’effett se jkun hemm fuq l-ekonomija Maltija minħabba li b’riżultat ta’ din id-direttiva, jeżisti r-riskju li operaturi bil-baħar jistgħu jiddeċiedu li biex jevitaw din id-direttiva, jibdew joperaw minn portijiet ta’ transhipment fl-Afrika ta’ Fuq milli minn portijiet Ewropej u dan ifisser telf ta’ negozju għall-Freeport Terminal ta’ Malta.
“Sa llum, il-Freeport kien pilastru ewlieni għat-tkabbir ta’ diversi setturi importanti fosthom dak tal-farmaċewtika – settur li qed nistennewh ikompli jikber. Dan is-settur jiddependi fuq trasport veloċi minn Malta fejn prodotti li jiġu Malta minn pajjiżi barra mill-UE jerġgħu jiġu esportati lejn l-Ewropa u dan ifisser volumi kbar ta’ esportazzjoni għal Malta.”
“B’din id-direttiva, dan kollu issa jinsab f’riskju li jintilef. Biex ma nsemmux li din id-direttiva taf tħalli impatt negattiv fuq dawk il-kumpaniji f’Malta li l-attività ewlenija tagħhom hija li jikkonsolidaw il-prodotti f’Malta għall-esportazzjoni.”
Etienne Attard qal li l-possibiltà taż-żieda fil-prezzijiet mhiex kapriċċ tal-kumpanija iżda riżultat ta’ direttiva ta’ l-UE li fuqha, ħadd ma kellu kontroll.
“Ma nixtieq lil ħadd li jaħseb li aħna kontra l-ħarsien ta’ l-ambjent. Express Trailers temmen b’mod sħiħ fil-valuri ta’ sostenibbiltà u l-investimenti kbar li ilna nagħmlu sabiex noperaw b’mod iżjed effiċjenti wassluna biex ksibna riżultati pożittivi ħafna. M’aħniex kontra l-prinċipju ta’ din id-direttiva u nifhmu li aħna qed noperaw f’settur li jiġġenera ħafna emissjonijiet u għalhekk, għandna ċerti responsabbiltajiet.”
“Iżda mhuwiex sew li Malta qed titpoġġa fl-istess keffa ma’ dawk l-operaturi li joperaw f’pajjiżi fejn m’għandhomx l-iżvantaġġ li jiddependu biss fuq it-trasport bil-baħar. F”Malta, għandna spejjeż żejda fosthom il-ħlas ta’ trasport bil-vapuri, spejjeż tal-portijiet u spejjeż oħra li ħafna pajjiżi oħra m’għandhomx. Biex ma nsemmux li Malta, minħabba li aħna gżira indipendenti, ma ngawdux fondi reġjonali bħal gżejjer oħra fil-Mediterran.”
Din id-direttiva għandha tinbidel jew tkun irtirata?
“Naċċettaw il-fatt li t-trasport għandu impatt fuq l-ambjent u għalhekk, naċċettaw li għandu jkun hemm sistema fejn min iħammeġ l-iżjed, iħallas l-iżjed. Iżda kif qegħdin l-affarijiet bħalissa, id-Direttiva ETS se tikkastiga lil Malta iżjed għaliex aħna gżira li niddependu fuq il-baħar u m’għandniex alternattivi oħra.”
“Għaldaqstant nistennew li l-Unjoni Ewropa tagħraf żewġ punti ewlenin. L-ewwel nett, li t-trasport bil-baħar huwa indispensabbli għalina u għalhekk, l-ETS m’għandhiex tapplika għalina. U t-tieni punt huwa li l-Freeport u l-attivitajiet tiegħu huma vitali għall-ekonomija ta’ Malta u din id-direttiva, bl-effett li jista’ jkollha fuq l-operat tal-Freeport, kapaċi jkollha impatt dirett fuq il-kompetittività li pajjiżna ilu jibni għal ħafna snin, b’riskju ta’ telf ta’ negozju.”
“Jekk jibqa’ ma jkunx hemm ftehim dwar din id-Direttiva biex din tkun applikata fuq livell globali, Malta biss se tbati. Huwa kruċjali li din id-Direttiva ma nħarsux lejha biss minn aspett ekonomiku jew finanzjarju iżda bħala prijorità nazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar se jkollha effett fuq il-ħtiġijiet tagħna ta’ kuljum,” temm is-sur Attard.