Hekk kif fil-Parlament komplew jiġu diskussi l-emendi fil-liġi tal-IVF, id-Deputat Laburista Omar Farrugia stqarr li din il-liġi hija ċertifikat ieħor tal-kredenzjali progressivi u soċjali tal-Gvern Laburista.
Huwa qal li minbarra li l-emendi li qed jitressqu għal-liġi tal-IVF fin-natura tagħhom jolqtu x-xjenza medika, dawn huma emendi li se jolqtu l-ħajja soċjali ta’ mijiet ta’ koppji li jixtiequ jsiru ġenituri u li sa issa ma rnexxilhomx. Qal ukoll li f’dinja ideali ħadd ma jkollu bżonn dawn l-emendi imma lkoll nafu li r-realtà hi differenti minn hekk.
Farrugia tenna li l-introduzzjoni tal-IVF mhix sempliċi kisba politika jew progress li sar fis-servizz nazzjonali tas-saħħa iżda hi kisba ta’ soċjetà aktar ħanina u fuq kollox rebħa għal dawk l-425 koppja li rnexxielhom isiru ġenituri bis-saħħa tad-dħul ta’ din il-liġi.
Huwa elenka wkoll il-bidliet fil-liġi tal-IVF kif proposti fosthom li se jitwessa’ s-servizz tal-IVF li se jsarraf f’iżjed ċikli mingħajr ħlas, se tiġi estiża l-età ta’ dawk eleġibbli biex jagħmlu l-proċess tal-IVF u se jiġi ffaċilitat il-proċess tad-donazzjonijiet tal-gamiti li jsiru barra minn Malta.
Farrugia enfasizza li meta għandek koppji, jew xi ġenitur, li jkunu diġà għaddew mit-trawma li ma setgħux ikollhom ulied, akbar tkun għalihom it-trawma jekk wara s-sagrifiċċji kollha li jkunu għamlu tul il-proċess tal-IVF, jirriżultalhom li għaddew l-istorja ta’ kundizzjonijiet mediċi li tant ħolqu tbatija fil-familja tagħhom lil uliedhom stess.
“U allura l-mistoqsija tibqa’ waħda: min hu lest f’din il-Kamra li jqum, iħares f’għajnejn dawn il-koppji, u jgħidilhom: le, ma rridx li inti jkollok iċ-ċans tevita din it-tbatija u le ma rridx li jkollok tarbija li titwieled qawwija u sħiħa!”.
Farrugia tenna li anke li kieku din l-emenda se tolqot koppja waħda, familja waħda, niġu hawn bl-istess ħeġġa li nitkellmu biha llum sabiex nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. “U nagħmlu d-differenza fl-ewwel ftit ġimgħat tal-leġiżlatura, għaliex dawn il-koppji ma jistgħux jistennew aktar.”