Friday, July 11, 2025

L-ISFIDA TAŻ-ŻIEDA FIL-POPOLAZZJONI

Aqra wkoll

Il-popolazzjoni Maltija kompliet tikber b’mod kostanti. Tant li fi tmiem is-sena li għaddiet, il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex kienet stmata li tlaħħaq aktar minn 574,000 persuna. Din iċ-ċifra turi żieda ta’ kważi 2% meta mqabbel ma’ kif kemm kienet tgħodd il-popolazzjoni fis-sena ta’ qabel. 

Minkejja dan, iż-żieda naturali fil-popolazzjoni waqgħet drastikament minħabba tnaqqis fit-twelid ta’ trabi ħajjin minn residenti Maltin u żieda ta’ mwiet fl-imwiet tan-nies. Hawn ikun tajjeb li wieħed jistaqsi kif din iż-żieda fil-popolazzjoni se tirrifletti fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, u jekk hux se jkun hemm pressjoni fuq l-infrastruttura domestika. 

Għalkemm ikun hawn min jikkritika bl-aħrax iż-żieda fil-popolazzjoni, l-aktar minn persuni barranin, b’danakollu wieħed irid iżomm quddiem għajnejh illi l-istatistika qed turi illi jekk mhux se jiġu barranin fostna, l-ekonomija togħtor u jitpoġġew fil-periklu l-benefiċċji u l-għajnuna soċjali.

Malta għadha tikklassifika l-aħħar fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’dik li hija rata ta’ twelidijiet. Allura xi ħadd irid jagħmel tajjeb għal dawn id-defiċjenzi. Barra minn hekk, iż-żieda fil-popolazzjoni kienet riflessa b’mod qawwi fil-Labour Migration Policy li biha se jkun hemm tibdil fil-mod ta’ kif jiġu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi f’pajjiżna. 

Dawn biex jiġu fostna, l-ekonomija jrid ikollha bżonnhom filwaqt li jkollhom il-ħiliet meħtieġa li jkun jeħtieġ is-suq u anke li jitgħallmu kif għandhom jikkomunikaw aħjar f’pajjiżna u jsir aktar faċli biex huma jintegraw fis-soċjetà. Dawn il-passi servew biex jiġi ristrett l-influss liberu ta’ barranin li jiġu f’pajjiżna.

Huwa minnu wkoll li l-problema ta’ nuqqas ta’ twelidijiet mhijiex fenomenu ta’ Malta biss imma anke ta’ pajjiżi oħra Ewropej. Dawn ukoll qed jaraw x’jagħmlu biex din il-problema jindirizzawha bl-aħjar mod li jistgħu. F’dan il-kuntest, l-Ewropa għandha wkoll tagħti kas dan il-fenemonu u kif tista’ tindirizzah.

Aħna konvinti li permezz ta’ numru ta’ inizjattivi u riformi li qed jintroduċi l-Gvern se jwasslu għal kwalità ta’ ħajja aħjar, għal ambjent aħjar u għal Malta li tħares lejn għada u pitgħada u fuq kollox biex tindirizza l-isfidi li ġġib magħha kull żieda fil-popolazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport