Monday, December 30, 2024

L-iskill cards għal ħaddiema sabiex jaraw l-viżjoni tal-karriera tagħhom

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) temmen bis-sħiħ fil-benefiċċju tal-iskill cards biex ikunu magħrufa l-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema f’pajjiżna. Il-GWU trid ukoll li din is-sistema titħaddem f’setturi ekonomiċi oħra u mhux biss tibqa’ limitata għas-settur tat-turiżmu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja wera l-fehma tal-unjin dwar dan l-iżvilupp fil-qasam tax-xogħol tant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar l-iskill cards fit-turiżmu, li l-GWU qed tieħu sehem fiha.

Ta’ min ifakkar li l-idea li l-ħiliet tal-ħaddiema jkunu magħrufa ħarġet mill-GWU meta snin ilu kienet diġà bdiet titkellem dwar passaport tal-ħiliet bil-għan li dawk il-ħaddiema li kellhom esperjenza vasta u professjnalità fis-sengħa tagħhom, li iżda ma kellhom ebda ċertifikat, jibdew ikunu rikonoxxuti għall-ħiliet tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU fisser li l-esperjenza hija importanti daqskemm hi importanti li wieħed jikseb degree minn xi istituzzjoni edukattiva ogħla. Qal li għalhekk l-union hija favur b’mod qawwi l-introduzzjoni tas-sistema tal-iskill cards, li minbarra li jwasslu għal kisba ta’ aktar ħiliet u kompetenzi, se jogħla wkoll l-valur tax-xogħol tal-impjegat.

“Qed nieħdu sehem fil-konsultazzjoni li għaddejja u għandna laqgħat skedati mal-awtoritajiet sabiex nagħtu l-fehma tagħna f’dan ir-rigward u dwar kif nistgħu ntejbu l-prodott kemm tal-iskill cards u anke tas-settur b’mod inġenerali,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Huwa qal li b’dawn l-iskill cards, il-ħaddiem se jkun jaf fejn se tieħdu l-karriera tiegħu u fejn għandu jkompli jiżviluppa l-ħiliet u l-kompetenzi tiegħu. Saħaq ukoll li waħda mill-funzjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ħiliet għandha tkun li jevalwa u jagħti valur lill-esperjenzi tal-impjegat.

Ekonomija

Sport