F’konferenza li saret ilbieraħ fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, dwar it-titjib tas-saħħa mentali fis-settur tal-edukazzjoni, u li għaliha attendew il-fuq minn 90 edukatur/a, ġew diskussi diversi prinċipji sabiex l-għalliema jkunu jistgħu jissapportjaw is-saħħa mentali tal-istudenti tagħhom. Dan barra wkoll metodi dwar kif dawn l-istess prinċipji jistgħu jiġu applikati.
Preżenti għal din il-konferenza, organizzata mill-iskola Mater Boni Consilii St Joseph ta’ Raħal Ġdid, b’kollaborazzjoni ma’ Minds Ahead UK u l-Università ta’ Leeds Beckett, kien hemm l-Eċċellenza Tagħha, il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca li fetħet id-diskors uffiċjali ta’ din il-konferenza, kif ukoll Dr Kenneth Vella — Kap tal-Iskola San Ġużepp Mater Boni Consilii, Raħal il-Ġdid, li għamel messaġġ introduttorju, u Dean Johnstone — is-CEO ta’ Minds Ahead. Flimkien magħhom ingħaqdu ammont ta’ edukaturi kif ukoll il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali f’pajjiżna, Dr Denis Vella Baldacchino.
Minds Ahead hija entità fl-Ingilterra li b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Leeds Beckett taħdem fuq is-saħħa mentali tal-istudenti.
“Għandna nkomplu naħdmu biex jirnexxilna nelimaw ir-riġidità li teżisti dwar is-saħħa mentali”
Dr Kenneth Vella, f’kumment li ta lil L-ORIZZONT fisser kif bħala edukaturi, l-għalliema matul is-sena skolastika qed jagħmlu l-almu tagħhom sabiex joffru “edukazzjoni ħolistika lit-tfal”; jiġifieri jmorru pass oltre mis-sistema edukattiva tradizzjonali fejn apparti li tingħata prijorità xierqa lit-tagħlim akkademiku — dak li ħafna minna nafuh bħala t-tagħlim ta’ suġġetti bħalma huma l-lingwi, ix-xjenza, u oħrajn — jikkonċentraw ukoll fuq il-bżonnijiet non-akkademiċi tal-istudenti, fosthom is-saħħa mentali.
Minn osservazzjoni li saret fuq l-istudenti, kemm b’mod nazzjonali kif ukoll ħolistikament, ġie nnutat li numru ta’ fatturi, fosthom il-Covid-19, kienu determinanti fiż-żieda tal-każijiet ta’ tfal li jbatu minn diffikultajiet psikoloġiċi. Dan ħalla l-effett tiegħu kemm fuq tfal t’età tenera kif ukoll fuq l-istudenti tal-primarja u s-sekondarja, elabora Dr Vella.
Vella kompla jispjega li l-għan tal-iskola li huwa kap tagħha kien li joffru taħriġ kemm għall-għalliema tiegħu kif ukoll fuq bażi nazzjonali dwar kif tista’ tingħata għajnuna lill-istudenti biex jgħixu ħajja sana anki mentalment. Intant, semma wkoll li saħansitra f’Novembru li għadda ġew numru ta’ esperti mill-Estonja biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-għalliema Maltin dwar dan is-suġġett. Rigward il-konferenza tal-bieraħ, spjega li nġiebu esperti Ingliżi li jmexxu entità fejn qed jaraw u jiddiskutu mal-edukaturi tagħna dwar x’qed tagħmel l-Ingilterra f’dan il-qasam.
Huwa ma naqasx milli jfaħħar l-attiviżmu tal-President Emeritu Coleiro Preca li taħdem bi sħiħ fil-qasam tas-saħħa mentali tat-tfal u tal-adulti u li dejjem ħadet interess fl-inizjattivi li jieħu hu kemm bħala kap tal-iskola u anki fi rwol tiegħu ta’ Ambaxxatur ta’ Malta għall-Estonja u l-Finlandja.
“Fl-intervent tiegħu waqt il-konferenza, is-CEO Dean Johnstone semma li minn studju li sar fl-Ingilterra rriżulta li waqt l-imxija tal-COVID-19, fuq it-tfal li kellhom problemi psikoloġiċi u ta’ saħħa mentali u li għandhom bejn id-disa’ u l-15-il sena aktar ħalla impatt l-impenn, l-involviment u l-kontribut tal-iskejjel milli li kieku dawn it-tfal ħaduhom għand professuri jew esperti mediċi għal xi trattament jew sessjonijiet. Ħareġ ħafna l-punt kritiku li l-ewwel post għas-saħħa mentali ta’ wliedna jibqa’ l-iskola,” qalilna Dr Vella.
Hawn tfal, b’mod ġenerali, li l-ambjent tal-iskola jarawh iktar san minn dak tad-dar, argumenta Vella. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħu, dan hu punt li bħala pajjiż għandna nkomplu naħdmu fuqu. Dan biex forsi maż-żmien fis-sistema edukattiva tagħna jirnexxilna nelimaw ir-riġidità li teżisti fuq ċertu aspetti, u bħal fil-każ dwar is-saħħa mentali din tibda tingħata importanza u investiment daqs meta mqabbla ma’ xi suġġetti akkademiċi.
Fl-aħħar nett, fakkar li għandha tiġi mħarsa wkoll is-saħħa mentali tal-edukaturi, biex l-għalliema jkunu jistgħu jagħtu l-massimu tagħhom lill-istudenti, jeħtieġ li jkunu f’qagħda adegwata f’dan ir-rigward.
L-iskejjel qed jaffaċċjaw l-istess realtajiet
F’kumment li ngħata dan il-ġurnal mingħand Claire Sewell, Direttur tal-Istudji ta’ Minds Ahead, hija fissret li permezz tal-esperjenza vasta tagħha fis-settur edukattiv, kemm fl-Ingilterra kif ukoll f’numru ta’ skejjel minn pajjiżi diversi waslet għall-konklużjoni li fl-aħħar mill-aħħar f’kull skola hemm l-istess realtajiet.
Intant, meta l-entità li tagħmel parti minnha (Minds Ahead) ġiet avviċinata minn Dr Vella sabiex issir kollaborazzjoni bejn is-sistema edukattiva ta’ Malta ma’ dik tal-Ingilterra, il-proposta ntlaqgħet bi pjaċir kbir. Saħansitra, hemm għalliema li għażlu illi jkunu parti minn din il-kollaborazzjoni u jibdew jagħmlu kors f’livell ta’ masters offrut minnhom u li huwa rikonoxxut mill-Awtorità għall-Edukazzjoni Ogħla MFHEA u Malta Enterprise permezz tal-iskema Get Qualified.
Hija enfasizzat li din il-kollaborazzjoni hija partnership bejn tliet “entitajiet” — Minds Ahead, l-iskola u l-istudenti; l-ewwel entità biex ngħidu hekk se tkun qed teduka lill-għalliema dwar modi differenti ta’ kif jistgħu jħarsu s-saħħa mentali tal-istudenti, filwaqt li l-istudenti se jkunu qed jibbenefikaw minn impatt pożittiv li joħolqilhom ambjent iżjed san.
Sewell tenniet l-importanza ta’ żvilupp sostenibbli fuq is-saħħa mentali tal-istudenti u qalet illi tispera li din il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tkun utli għall-edukazzjoni biex jintlaħaq l-għan mixtieq fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna.
Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm Justin Schembri, kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u Fr Charles Mallia, Direttur Responsabbli mill-Edukazzjoni Nisranija fi ħdan il-Kurja.