Wieħed minn sensiela ta’ xogħlijiet madwar il-pajjiż bil-għan li titjieb l-infrastruttura edukattiva qed isir fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, fejn b’investiment ta’ madwar €15-il miljun l-iskola qed tinbidel f’waħda moderna. Ix-xogħol, maqsum fuq żewġ fażijiet, żamm il-qoxra tal-iskola filwaqt li l-faċilitajiet se jkunu kollha ġodda.
Il-proġett qed jgħaqqad ukoll l-investiment f’faċilitajiet u infrastruttura ġdida mal-konservazzjoni tal-karattru arkitettoniku tal-binja eżistenti, filwaqt li x-xogħlijiet qed isiru f’fażijiet sabiex l-iskola tibqa’ operattiva.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, żar l-iskola fejn segwa l-progress tax-xogħlijiet li qed jitwettqu mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), fosthom interventi strutturali estensivi, inkluż il-bdil ta’ soqfa u estensjonijiet, u l-iżvilupp ta’ spazji edukattivi u faċilitajiet ġodda għall-istudenti u l-edukaturi.
Il-Ministru Camilleri spjega kif dan il-proġett huwa parti mill-investiment kontinwu biex l-istudenti u l-edukaturi jkollhom skejjel moderni u ta’ kwalità li jwieġbu għall-ħtiġijiet edukattivi tal-lum. Fisser kif l-investiment infrastrutturali fl-iskejjel huwa sostanzjali, u proġett wara ieħor iridu jwasslu għal iktar studenti li jieħdu l-esperjenza edukattiva f’ambjent aqwa u b’faċilitajiet moderni, inkluż fl-użu tat-teknoloġija, l-aċċessibbiltà, kif ukoll kumditajiet bħall-arja kundizzjonata.
Doreen Camilleri, Chief Financial Officer tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), qalet li Ħal Qormi huwa wieħed minn diversi siti fejn bħalissa l-Fondazzjoni għaddejja bi proġetti maġġuri. Hija spjegat li dan huwa proġett ambizzjuż ħafna, maqsum f’żewġ fażijiet, fejn l-iskola nqasmet fi tnejn sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol fuq nofs, filwaqt li n-nofs l-ieħor jibqa’ jintuża.
Camilleri sostniet li l-iskola, li tinsab fiċ-ċentru ta’ Ħal Qormi, kellha bżonn intervent kbir biex tinbidel fi skola moderna u mgħammra għall-ħtiġijiet tal-lum. Filwaqt li qed jinżammu l-faċċati u l-qoxra tal-bini, qed isiru interventi sostanzjali, fosthom it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid ta’ soqfa antiki, il-bini ta’ sular ieħor f’partijiet mill-iskola u interventi infrastrutturali oħra. Hija żiedet li, meta jitlesta l-proġett, l-iskola se jkollha ferm iktar faċilitajiet.
L-iskola se jkollha aktar minn 30 klassi, inklużi klassijiet tal-kindergarten u spazji ddedikati għall-arti u l-mużika, kif ukoll klassijiet multisensorjali, klassi psikosoċjali u klassi għall-iżvilupp personali u soċjali. Il-klassijiet kollha se jkunu mgħammra b’sistemi tal-arja kkundizzjonata, biex jinħoloq ambjent aktar komdu għall-istudenti u l-edukaturi. Il-proġett jinkludi wkoll interventi strutturali fis-sala tal-iskola, l-iżvilupp mill-ġdid tal-btieħi u taċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal.
Bħala parti mir-rikostruzzjoni, se jiġu installati servizzi ġodda tal-elettriku, ilma u drenaġġ, internet, kameras u alarms tas-sigurtà, kif ukoll sistemi ta’ protezzjoni kontra n-nirien, filwaqt li se jiġu introdotti miżuri biex titjieb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. L-ewwel fażi tal-proġett mistennija titlesta fl-ewwel kwart tal-2027, bil-proġett kollu mistenni jitlesta matul is-sena skolastika 2027/2028.
