Saturday, August 22, 2026
Home Internazzjonali L-Ukrajna qed tiffaċċja nuqqas ta’ sistemi ta’ difiża tal-ajru

L-Ukrajna qed tiffaċċja nuqqas ta’ sistemi ta’ difiża tal-ajru

0
60

Mill-inqas 12-il persuna nqatlu u 34 oħra ndarbu fl-aħħar attakki Russi fuq il-kapitali Ukrena, Kyiv hekk kif il-pajjiż qed ikompli jiffaċċja nuqqas ta’ missili tad-difiża tal-ajru. Fl-attakki matul il-lejl intlaqtu blokki ta’ appartamenti u mħażen f’diversi partijiet tal-belt, filwaqt li ġarrbu ħsarat ukoll sptar tat-tfal u skola.

Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li l-imwiet kienu riżultat tan-nuqqas ta’ missili tad-difiża tal-ajru, li Kyiv tiddependi fuq l-alleati tal-Punent biex tipprovdihomlha. F’kitba fuq is-sit Telegram, Zelensky qal li sakemm l-Ukrajna ma jkollhiex biżżejjed missili għad-difiża tal-ajru, ir-Russja mhux se tikkunsidra l-paċi bis-serjetà.

Huwa żied jgħid li s-sistemi tal-interċettaturi Patriot għadhom ma ġewx sostitwiti, u huma meħtieġa kuljum. Kull missila addizzjonali ssalva l-ħajjiet tan-nies Ukreni.”

L-Ukrajna kienet tiddependi fuq Amerika għall-provvisti ta’ missili Patriot biex tiġġieled il-missili ballistiċi Russi, iżda l-Istati Uniti użaw parti kbira mill-ħażna tagħhom matul il-gwerra fil-Lvant Nofsani u qed jipprovdu inqas lill-Ukrajna.

It-talba mġedda ta’ Zelensky għal aktar għajnuna militari saret fi żmien meta huwa qed jiffaċċja sfida politika diretta mill-eks Ministru tad-Difiża popolari Mykhailo Fedorov li talab li ssir elezzjoni presidenzjali u nieda attakk aħrax fuq il-gvern, billi sostna li l-korruzzjoni ċaħħdet lill-armata mill-armi.

L-aħħar sensiela ta’ attakki fuq Kyiv bdiet għall-ħabta ta’ nofsillejl ħin lokali hekk kif madwar il-belt bdew idoqqu s-sireni ta’ twissija għal attakki mill-ajru, segwiti mill-impatt ta’ madwar 20 missila Russa. Dawn l-attakki kkawżaw qtugħ tal-elettriku f’eluf ta’ proprjetajiet, u ħallew partijiet mir-reġjun ta’ Kyiv fid-dlam.

Ir-Russja użat 168 drone u 44 missila f’dan l-attakk, li kellu fil-mira prinċipalment lil Kyiv, skont l-informazzjoni tal-Forza tal-Ajru tal-Ukrajna li żiedet tgħid li d-difiża tal-ajru waqqgħet 146 drone u 39 missila.

F’partijiet oħra tar-reġjun ta’ Kyiv, attakk fid-distretti ta’ Brovary u Boryspil ħalla raġel mejjet u seba’ persuni midruba. Persuna oħra mietet u 11-il oħra ndarbu fir-reġjun ta’ Donetsk, skont uffiċjal lokali.

Fir-Russja, il-Ministeru tad-Difiża ħabbar li twaqqgħu 726 drone Ukren li kienu qed jittajru lejn diversi reġjuni madwar il-pajjiż.

Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża tar-Rumanija ħabbar li drone daħal fit-territorju tiegħu tul il-fruntiera tat-tramuntana mal-Ukrajna, u dan wassal biex tinstema’ sirena ta’ twissija tal-ajru qabel ma d-drone iġġarraf f’żona mhux abitata.

Il-militar Pollakk ukoll ħabbar li nieda operazzjonijiet difensivi tal-ajru biex jipproteġi l-ispazju tal-ajru tiegħu.

Fl-aħħar ġimgħat, iż-żewġ naħat fil-gwerra wettqu attakki mill-ajru fuq skala kbira li rriżultaw f’għexieren ta’ mwiet. L-Ukrajna intensifikat l-attakki tagħha fil-fond tal-ġewwieni tat-territorju Russu u fi tmiem il-ġimgħa immirat lejn il-kapitali, Moska, b’mewġa ta’ 600 drone.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here