Raġel ta’ 63 sena, deher taħt arrest quddiem il-Qorti il-Ġimgħa wara rapport ta’ vjolenza domestika li sar nhar il-Ħamis mill-vittma, li kienet ilha f’relazzjoni mal-akkużat għal 11-il sena.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat m’għandux liċenzja tas-sewqan u jiddependi fuq is-sieħba tiegħu biex iwasslu x-xogħol kuljum f’Ħal Luqa. Darba minnhom, hi qalitlu li xebhet twasslu kullimkien u dan wassal għal argument bejniethom. Hu beda jirrabja u ħeddidha li kien se jaħraqha ħajja.
F’mument ta’ biża, l-vittma ssakkret lilha nnifisha ġol-kamra tas-sodda ta’ bintha biex tipproteġi lilha nnifisha, iżda l-akkużat kiser il-bieb u daħal xorta. Hi ħarbet lejn il-gallarija u l-akkużat heddidha li jekk ma terġax tidħol lura ġol-kamra kien se jitfagħha l-isfel mill-gallarija.
Wara l-inċident, il-vittma telqet mill-residenza tagħhom fil-Mellieħa.
L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi li ikkaġuna lill-eks sieħba tiegħu biża’ li se tintuża vjolenza kontriha, kif ukoll li għamel inġurji jew theddid li ħarġu barra mil-limiti tal-provokazzjoni, f’okkażjonijiet differenti.
Il-Maġistrat poġġa lill-akkużat taħt ordni ta’ probation għal sena b’obbligu li jidher il-qorti kull tliet xhur, u ordnalu wkoll li jattendi sessjonijiet biex jindirizza l-problemi li għandu reletati mar-rabja.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trazzin favur il-vittma għal perjodu ta’ tliet snin.
Il-każ kien ppresedut mill-Magistrat Jean Paul Grech.
