Tuesday, April 30, 2024

L-Ispeaker b’messaġġ dwar il-fake news fil-midja

Illum se ssir seduta parlamentari speċjali li tfakkar il-100 sena mit-twaqqif tal-Parlament Malti

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’messaġġ li se jkun qed jagħmel waqt is-seduta parlamentari speċjali li se ssir illum waranofsinhar biex tfakkar il-100 sena mit-twaqqif tal-Parlament Malti, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia se jagħmel referenza għal meta ma toħroġx il-verità kollha u saħansitra jkun hemm fake news fil-midja soċjali, li diffiċli jkunu kkontrollati.  

“Ikollok kummenti tal-pubbliku, meta jabbuża mill-midja soċjali, fejn isiru attakki b’mod kattiv, dik li nsejħula hate speech, li qed narawha dejjem tikber. Kemm-il darba tkellimt fuqha, anke fl-aħħar diskors li għamilt fil-konferenza tal-International Parliamentary Union fi Vjenna fejn għedt li wasal iż-żmien li jsir regolamentazzjoni internazzjonali li tapplika anke b’mod domestiku dwar kif nikkontrollaw il-hate speech u l-fake news,” qal l-Ispeaker Farrugia f’kummenti li ta lil talk.mt.

Huwa kompla jgħid li minbarra l-intervent tiegħu, is-seduta tal-lum se tara wkoll interventi oħrajn fosthom mill-eks Speaker Myriam Spiteri Debono u mill-membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra, fejn se jidħlu f’aktar dettall dwar l-istorja ta’ dan iċ-ċentinarju.

Mistoqsi x’jixtieq jara iżjed fil-Parlament Malti, l-Ispeaker Farrugia saħaq li bħalma diġà fetaħ il-Parlament għall-pubbliku, irid jara li jkun hemm aktar parteċipazzjoni sabiex ikollhom aktar leħen b’saħħtu li jwassal biex ikun hemm relazzjoni diretta bejn il-Parlament u l-pubbliku Malti. 

Huwa qal ukoll li f’dawn il-100 sena tal-Parlament, sar ħafna għad-demokrazija parlamentari fejn ħafna kostituzzjonijiet kellhom jiġu promulgati. Hawn ma naqasx milli jsemmi d-dritt li ngħataw in-nisa biex jivvutaw fl-elezzjonijiet.

“Minn dawn il-100 sena jiena għalaqt kwart ta’ seklu f’dan il-Parlament. Rajt żviluppi taħt il-Presidenza tiegħi, li morna għal aktar trasparenza immedjata tax-xogħol parlamentari u għandek il-parteċipazzjoni tal-pubbliku f’ħafna fora tal-Kumitati Parlamentari.”

“Irridu nkomplu nżidu u nkunu aktar responsabbli. Il-Governanza Parlamentari, li diġà qiegħda hemm, irridu naraw li tkompli tissaħħaħ fil-Parlament,” tenna l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. 

Sport