L-Ispeaker Carmelo Abela jfakkar il-105 anniversarju mill-ewwel Assemblea Leġiżlattiva

Aqra wkoll

F’intervent fil-Parlament fl-okkażjoni tal-105 anniversarju mill-ewwel Parlament ta’ Malta taħt Gvern Responsabbli l-Erbgħa filgħaxija, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela fakkar l-importanza ta’ din l-istituzzjoni fl-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna.

L-ewwel Assemblea Leġiżlattiva għamlet l-ewwel seduta tagħha fl-1921 taħt il-presidenza tal-ewwel Speaker, Edgar Arrigo. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Parlament kompla jevolvi flimkien mal-iżvilupp kostituzzjonali ta’ Malta, mill-Indipendenza fl-1964 sat-twaqqif tar-Repubblika fl-1974 u r-riformi li komplew isaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Abela enfasizza l-irwol tal-Ispeaker fil-ħarsien tal-funzjonament korrett tal-Parlament, id-dinjità tal-istituzzjoni u d-dritt tal-Membri li jieħdu sehem fid-dibattitu. Irrimarka wkoll li, mill-2017, bil-kisba tal-awtonomija parlamentari, dan ir-rwol kiseb dimensjoni ġdida.

Bħala ġieħ lill-Ispeakers kollha li servew f’din il-kariga, ġiet inawgurata plakka kommemorattiva fil-bini tal-Parlament, bħala rikonoxximent tal-kontribut tagħhom fl-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ din l-istituzzjoni.

L-Ispeaker appella għal aktar maturità u rieda li jitwarrbu l-interessi partiġġjani meta jkun meħtieġ, sabiex il-Parlament ikun jista’ jikseb riżultati akbar għall-poplu u għall-pajjiż.

Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela sostna li l-aqwa ġieħ li nistgħu nagħtu lil dawk li ħadmu għall-kisba tal-gvern awtonomu fl-1921 huwa li naqdu b’responsabbiltà l-fiduċja li jagħtina l-poplu llum. Għandna d-dmir li nkomplu nsaħħu d-demokrazija tagħna u nħallu warajna Parlament aktar miftuħ, aktar b’saħħtu u aktar qrib iċ-ċittadin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, saħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jaraw lill-Parlament bħala post fejn leħinhom jinstema’ u li s-servizz lejn il-pajjiż jibqa’ jiġbed nies kapaċi u onesti. 

L-Ispeaker temm billi appella biex il-Parlament ikompli jħares il-valuri tad-demokrazija, id-dibattitu responsabbli, il-kontabilità u s-servizz lejn il-poplu Malti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport