Il-Prof. Philip von Brockdorff insista fuq il-ħtieġa li jsir monitoraġġ tal-impatt ta’ ċertu miżuri li tħabbru fil-Budget 2027. Dawn il-miżuri jinkludu l-ħaddiema minn pajjiżi terzi u ż-żieda fl-eko-kontribuzzjoni.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, il-Prof. von Brockdorff stqarr li l-Budget 2027 ikompli fejn ħalla ta’ qablu fis-sens li jtejjeb il-benefiċċji soċjali u jnaqqas it-taxxi għall-ġenituri b’wild wieħed jew tnejn, fost miżuri soċjali oħra. Dan flimkien mas-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils għandu jżid il-konsum, liema konsum hu determinanti għat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna.
Huwa nnota li minħabba l-piż finanzjarju, żdiedet l-eko-kontribuzzjoni tat-turisti b’mod sostanzjali. Dan fl-isfond ta’ aktar minn 4.5 miljun turist dis-sena. Din iż-żieda, qal il-Prof. von Brockdorff, jista’ jkollha xi impatt fuq is-settur u għalhekk tajjeb li jsir monitoraġġ tal-impatt ta’ dan il-miżura.
“L-istess irid isir fuq iż-żieda fl-ispejjeż għall-ingaġġ ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li tista’ twassal għal prezzijiet ogħla marbuta ma’ servizzi. Jidher ċar li l-Gvern kellu bilfors isib minn fejn idaħħal aktar dħul u jnaqqas spejjeż bħas-sussidji fuq użu ta’ trasport pubbliku minn persuni minn pajjiżi terzi,” huwa żied jgħid.
“Dan għax l-ispiża tal-Gvern kompliet tiżdied b’mod sostanzjali kif indikat ukoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ftit tal-jiem ilu (benefiċċju kontributtorji u dawk mhux kontributorji). Effettivament it-tkabbir ekonomiku previst irid jintlaħaq. Jekk il-piż tal-finanzi pubbliċi ma jippermettix li nżommu d-defiċit taħt it-3 fil-mija tal-PGD, dan jista’ jwassal għal reviżjoni ta’ xi miżuri li ttieħdu. Wieħed jittama li ma naslux għal dik is-sitwazzjoni u s-sitwazzjoni internazzjonali titranġa,” temm jgħid il-Prof. Brockdorff.
