Thursday, October 29, 2026
Home Internazzjonali Konfużjoni dwar fejn jinsab Flávio Bolsonaro 

Konfużjoni dwar fejn jinsab Flávio Bolsonaro 

0
60

Hemm konfużjoni sħiħa dwar fejn jinsab il-kandidat presidenzjali Brażiljan is-senaatur Flávio Bolsonaro, wara li l-Qorti irrevokalu l-passaporti tiegħu. Uffiċjali Arġentini qalu li huwa telaq fuq titjira lejn l-Ekwador.

Aktar kmieni, sorsi kienu qalu li Bolsonaro kien qiegħed fl-Istati Uniti, iżda l-awtoritajiet tal-immigrazzjoni tal-Arġentina irrappurtaw li hu, martu u żewġ uliedu bniet telqu fuq titjira privata lejn il-belt ta’ Guayaquil, fl-Ekwador, ftit wara li qasmu l-fruntiera tard it-Tlieta filgħaxija. Mhuwiex ċar jekk l-Ekwador hux se jkun id-destinazzjoni finali tiegħu.

Nhar it-Tlieta, uffiċjal għoli Amerikan ikkonferma li d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti lest joħroġ viżi lil Bolsonaro u lill-familja tiegħu u jippermettilhom jidħlu fil-pajjiż, jekk huma jitolbu dan.

L-ispekulazzjoni dwar fejn jinsab Bolsonaro bdiet sigħat wara li l-Qorti Suprema tal-Brażil irtiratlu l-passaporti tiegħu, u ordnatlu jippreżenta dan id-dokument fi żmien 24 siegħa, fost investigazzjoni dwar allegat ħasil ta’ flus. Wara li naqas li jagħmel kif ordat, il-qorti rrevokat il-passport tiegħu.

Bolsonaro għadu ma ġiex akkużat u ċaħad l-allegazzjonijiet. Huwa kien qal li ma kellu l-ebda pjan li jitlaq mill-pajjiż, u insista li kien se jibqa’ l-Brażil biex imexxi l-oppożizzjoni kontra r-rivali tiegħu tax-xellug, il-President Luiz Inácio Lula da Silva, li nhar il-Ħadd rebaħ mandat ieħor elettorali fkil-konfront ta’ Bolsonaro.

Ikkuntattjati mill-BBC, l-avukati tiegħu, ftit wara li skada l-perijodu biex jgħaddi lill-qorti l-passaporti tiegħu, insistew li ma kellhom l-ebda ħjiel fejn Bolsonaro seta kien jinsab. Sorsi mill-pulizija qalu li uffiċjali federali Brażiljani kienu qed jiċċekkjaw dwar il-qsim tal-fruntiera biex jistabbilixxu jekk Bolsonaro setax ivvjaġġa lejn il-pajjiż ġar tal-Arġentina.

F’dan l-istess żmien, l-awtoritajiet Arġentini qalu li ma kien hemm l-ebda rekord li s-Bolsonaro daħal f’pajjiżhom minn xi punt tal-qsim tal-fruntiera.

Flavio Bolsonaru kien diġà taħt investigazzjoni dwar allegata korruzzjoni relatata mal-finanzjament ta’ film dwar missieru, l-eks President Jair Bolsonaro, li nstab ħati li ppjana kolp ta’ stat wara li hu wkoll kien tilef l-elezzjoni presidenzjali.

Investigazzjoni oħra tinvolvi allegati rabtiet ma’ avukat Brażiljan, li huwa akkużat li ħasel aktar minn biljun dollaru permezz ta’ skema ta’ frodi. Dan ix-xahar, il-pulizija qalet li skopriet li Bolsonaro kellu aċċess għall-kontijiet bankarji ta’ kumpanija li hija proprjetà ta’ dan l-avukat.

Minbarra dik l-investigazzjoni, il-Qorti Suprema tal-Brażil ordnat lill-pulizija biex teżamina l-kampanja elettorali ta’ Bolsonaro b’rabta ma’ allegat finanzjament minn barra l-pajjiż.

Is-senatur ta’ 45 sena sofra telfa kbira nhar il-Ħadd meta ġie megħlub minn Lula fit-tieni rawnd tal-elezzjoni presidenzjali – tellieqa li fiha kien hemm stennija wiesgħa li Bolsonaro kien se joħroġ rebbieħ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here