Il-Malta Food Agency qed tkompli twettaq miżuri konkreti biex tnaqqas il-ħela tal-ikel u tgħin sabiex ikel li għadu tajjeb għall-konsum jintuża b’mod effiċjenti għall-benefiċċju tas-soċjetà.
Sostna dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Graziella Attard Previ.
Il-Ministru Refalo qal li sa mill-2021, l-Aġenzija ilha tiffaċilita d-distribuzzjoni ta’ frott u ħaxix li jibqa’ wara l-bejgħ mill-Pitkalija lil organizzazzjonijiet volontarji darbtejn fil-ġimgħa, biex dan l-ikel ma jintilifx u jasal għand dawk fil-bżonn.
Barra minn hekk, f’Marzu 2025, il-Malta Food Agency nediet l-inizjattiva Żomm! Tarmix, li tħeġġeġ u tiffaċilita d-donazzjoni ta’ ikel żejjed minn negozji, produtturi u distributuri lil entitajiet volontarji u soċjali.
“Dawn l-inizjattivi wasslu biex kwantitajiet sostanzjali ta’ ikel li kieku kienu jintremew ġew irkuprati u mgħoddija għall-użu soċjali, filwaqt li kkontribwew kemm għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel kif ukoll għall-appoġġ lil persuni u familji vulnerabbli. Il-Malta Food Agency ser tkompli ssaħħaħ dawn l-isforzi bħala parti mill-impenn tagħha favur sistema tal-ikel aktar sostenibbli u effiċjenti,” temm jgħid il-Ministru Refalo.
