Thursday, October 29, 2026
Home Fehmietna BUDGET IEĦOR FAVUR L-ANZJANI

BUDGET IEĦOR FAVUR L-ANZJANI

0
72
Ritratt: Roger Azzopardi

Jekk kien hemm bżonn ta’ prova kemm l-anzjani u l-pensjonanti okkupaw parti importanti fil-Budget għas-sena d-dieħla, din ingħatat f’dawn il-jiem bit-tħabbira tal-miżuri soċjali li l-Gvern kompla jżid għal din il-faxxa kbira tas-soċjetà.

Tabilħaqq, mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-pensjonanti kollha se jkunu qegħdin igawdu mit-12-il żieda konsekuttiva fil-pensjonijiet. Fil-fatt, fil-Budget 2027 insibu li l-pensjonanti se jkunu qegħdin igawdu minn żieda oħra ta’ €10 fil-ġimgħa, li se tkun l-ewwel żieda mill-€50 fil-ġimgħa li kienet imwiegħda tul il-kampanja elettorali ta’ Mejju li għadda. 

Għaldaqstant, il-pensjonijiet baqgħu fiċ-ċentru tan-nefqa soċjali tal-Gvern. Iżda mhux biss. F’budgets oħra preċedenti kienu bdew jiġu rranġati, kif għadu jsir sa issa, l-anomaliji li kien hemm fis-sistema tal-pensjoni partikularment f’dak li kien jirrigwardja d-diskrepanzi fir-rati tal-kumpens għall-għoli tal-ħajja li kienu jitħallsu l-pensjonanti li dak iż-żmien ma kienx jingħata sħiħ imma żewġ terzi tiegħu. 

Waħda mill-aktar riformi importanti ta’ dan il-Budget li se tkun introdotta mis-sena ddieħla hija dik li se jkun jista jsir trasferiment ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurta soċjali bejn il-konjuġi. Dan ifisser li min mill-konjugi jkun ħadem iżda m’għandux bolli biżżejjed biex jikkwalifika għal pensjoni issa se jkun jista jiret bolli biex jikkwalifika għal pensjoni. Din il-miżura waħedha se jibbenefikaw minnha madwar 3,200 mara. 

Flimkien ma’ dawn il-miżuri hemm ukoll dik li mis-sena d-dieħla se jingħalaq il-proċess li kien beda fl-2022 bil-għan li r-romol ikunu intitolati għall-pensjoni sħiħa li kienu jirċievu l-konjuġi tagħhom, kieku baqgħu ħajjin.

B’dan l-aġġustament, aktar minn 7,000 romol se jkollhom żieda oħra fil-pensjoni tagħhom u r-romol kollha issa se jkunu qed igawdu minn pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi.

Dan kollu seta’ jsir għaliex għandna ekonomija b’saħħitha biżżejjed li tilqa għax-xokkijiet ekonomiċi internazzjonali, u wkoll għaliex il-Gvern qiegħed jindokra l-finanzi pubbliċi b’mod għaqli. Barra minn hekk, qed jingħata serħan il-moħħ lill-ħaddiema li għad iridu jirtiraw, li kif imwiegħed, la l-età tal-irtirar u lanqas ir-rati tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ma huma se jogħlew. F’dan ir-rigward kollox se jibqa kif inhu. 

Fl-aħħar mill-aħħar, b’dan il-Budget u l-miżuri li jinkludi fih, qed jinħoloq ambjent fejn kull min ħadem, stinka u kkontribwixxa tul ħajtu, jista’ jħares ’il quddiem b’aktar ottimiżmu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here