Sunday, December 22, 2024

L-Ispeaker itenni li m’għandhomx jittieħdu ritratti jew filmati bla permess fil-Parlament

… jikkundanna t-tfigħ ta’ karti stampati mill-membri tal-Oppożizzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia appella lill-membri taż-żewġ naħat sabiex l-imġiba tagħhom fil-Kamra ma tkunx iggwidata biss mir-regoli li jistgħu jkunu fis-seħħ imma wkoll li tkun iggwidata mill-valur tar-rispett lejn il-kollegi, lill-Kamra u li tagħmel ġieħ lill-poplu li eleġġiehom.

F’ruling li ta fil-bidu tas-seduta, l-Ispeaker qal li d-dekor tal-Kamra, ir-rispett lejn il-Membri Parlamentari u l-imġiba xierqa jitolbu li filmati u ritratti m’għandhomx jittieħdu la fil-Kamra jew fil-Kumitati u lanqas fil-madwar partikolarment meta membri jkunu hemm biex jaqdu l-mandat parlamentari tagħhom.

Huwa għamel dawn ir-rimarki wara li l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ġibed l-attenzjoni tas-Sedja li l-Membru Parlamentari Alex Muscat kien ġibed xi ritratti waqt is-seduta tat-Tnejn li għadda u talab lill-Ispeaker jivverifika dan u jieħu passi neċessarji.

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker innota li wara li s-Sedja tat deċiżjoni dwar it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-aġġornament tal-Kamra taħt l-Ordni Permanenti 13 imressqa aktar qabel, kienet inqalgħet diżordni fil-Kamra, inkluż tfigħ ta’ karti stampati mill-membri tal-Oppożizzjoni lejn nofs il-Kamra.

Hawn l-Ispeaker saħaq li din l-imġiba hi deplorabbli u kundannabbli fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Min-naħa l-oħra, l-Ispeaker tenna r-rakkomandazzjoni tas-Sedja kontra t-teħid ta’ filmati, ritratti jew audio recordings mingħajr permess tal-kamra jew tal-Kumitat waqt seduta kif ukoll fil-binja mingħajr il-permess tal-membru konċernat.

Minkejja dan, qal li ma jarax li f’dan l-istadju, is-Sedja setgħet tieħu passi kontra xi membru li seta’ jidher li kien qed jieħu ritratti bil-mobile waqt li kienet għaddejja s-seduta.

Ekonomija

Sport