Saturday, November 23, 2024

L-Ispeaker ma jilqax talbiet ta’ Deputati tal-Oppożizzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia ma laqax żewġ talbiet mressqa minn Deputati tal-Oppożizzjoni f’rulings li huwa ta llejla.

L-ewwel ruling kien jikkonċerna lment ta’ ksur ta’ privileġġ imressaq mid-Deputat Nazzjonalista David Thake għal diskors li l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo għamel it-Tnejn li għadda.

Fil-Parlament, il-Ministru Bartolo kien tkellem dwar l-ironija li minkejja li l-Oppożizzjoni hija kontra ċertu skemi bħalma hija dik tat-tax deferrels meta għandek membri fl-istess Kamra fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni li “Thake se jipprova jagħmel użu minn din l-iskema”.

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker innota li peress li d-diskors tal-Ministru Bartolo sar fis-seduta tat-Tnejn li għadda, l-ewwel opportunità sabiex jitqajjem ilment ta’ ksur ta’ privileġġ kien proprju f’dik is-seduta stess. Din il-kundizzjoni tal-ewwel opportunità ġiet applikata wkoll f’diversi rulings li tat is-Sedja. 

Għalhekk, fil-każ inkwistjoni, is-Sedja ddeċidiet li peress li l-ilment tal-Onor. David Thake ma tqajjimx fis-seduta tal-10 ta’ Jannar stess, is-Sedja ma tistax tikkonsidra u tinvestiga jekk hemmx prima facie ksur ta’ privileġġ mill-Ministru Clayton Bartolo fil-konfront tal-Onor. David Thake. 

It-tieni ruling mogħti mill-Ispeaker kien dwar punti mressqa mid-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis dwar tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari. L-Onor. Ellis kien qal: “Mr Speaker xtaqt l-intervent tiegħek minħabba l-fatt li l-mistoqsijiet parlamentari 23940, 23941, 23942 u 23943 ma ġewx imwieġba u saru referenzi għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti u r-raġunijiet li ngħataw fit-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet preċedenti mhumiex rilevanti.” 

L-Ispeaker qal li filwaqt li s-Sedja tifhem kif l-Onor. Ellis jista’ jara li it-tweġibiet mogħtija ma jindirizzawx eżatt dak li hu saqsa għalih, is-Sedja ttenni dak li ġie espress diversi drabi kemm minnha riċentament u kif ukoll minn Speakers preċedenti, li hija m’għandha l-ebda poter li b’xi mod tindaħal fil-kontenut tat-tweġibiet li jagħżlu li jagħtu l-Ministri. 

“Fl-istess rulings filwaqt li s-Sedja bħalma għamlu diversi Speakers preċedenti ssoleċitat lill-Ministri biex iwieġbu l-mistoqsijiet li jsirulhom b’mod komprensiv spjegat ukoll għala l-ordnijiet permanenti tal-Kamra ma jtuhiex mansjoni li tirregola t-tweġibiet parlamentari,” qal l-Ispeaker Farrugia li tenna fiċ-ċirkostanzi s-Sedja ma tarax li tista’ tieħu xi azzjoni għar-rigward tat-talba tal-Onor. Ellis. 

Sport