Friday, April 26, 2024

448 immigranti irregolari ntbagħtu lura pajjiżhom fl-2021

Aqra wkoll

In-numru ta’ immigranti irregolari li ġew irritornati lura lejn pajjiżhom matul l-2021 jammonta għal 448. Dawn jinkludu 40 persuna li ġew ripatrijati lejn pajjiżhom wara li wrew ix-xewqa li jirritornaw volontarjament. 

Dan ħareġ minn tagħrif li ta l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fil-Parlament fejn qal li fl-2021 kien hemm numru rekord ta’ ritorn ta’ immigranti li waslu Malta b’mod irregolari u mingħajr dokumenti, mertu tal-ħidma tal-Pulizija u r-Returns Unit li twaqqfet fl-istess sena. 

Il-Ministru Camilleri enfasizza li r-ritorn lejn il-pajjiżi tal-oriġinu serva sabiex ikompli jkun miġġieled it-traffikar tal-bnedmin u jonqos in-numru ta’ wasliet irregolari f’pajjiżna matul l-2021.

Sadanittant, il-Ministru Camilleri kien mistoqsi wkoll dwar l-età tal-immigranti irregolari li ġew irritornati lejn pajjiżhom fl-ewwel disa’ xhur tas-sena. Huwa qal li f’dan il-perjodu ntbagħtu 350 persuna lura pajjiżhom – 320 maskili u 30 femminili, bl-akbar ammont minnhom (241) ikollhom bejn it-18 u l-34 sena. 

L-ispiża mħallsa għar-ripatrijazzjoni ta’ immigranti rregolari lejn pajjiżhom fl-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet, kienet ta’ €554.800.80. Minn din is somma, l-ammont ta’ €393,477.22 huwa kopert minn fondi Ewropej filwaqt li l-ammont ta’ €161,323.58 kien kopert minn fondi nazzjonali. Dan l-ammont jinkludi ukoll in-nefqa relatata mar-ritorn voluntarju ta’ immigranti rregolari lejn pajjiżhom.

Sport