Friday, December 20, 2024

L-ispiża fuq l-istudji dwar il-proposta tal-Metro tlaħħaq il-€1.8 miljun

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-ispiża minfuqa fuq l-istudji li saru fir-rigward tal-proposta tal-Metro sa issa tammonta għal €1,807,907. 

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu mid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, il-Ministru Borg spjega li t-Tnejn li għadda Transport Malta ppubblikat l-istudji kollha li saru mill-kumpanija internazzjonali ta’ konsulenza ARUP. Dawn l-istudji bl-isem ta’ ‘Strategic Business Case’ u ‘Feasability Study’ jinsabu pubbliċi u online. L-istudji sħaħ jinsabu fuq is-sit metro.mt.

Il-Ministru Borg fakkar li l-Gvern kien talab lill-kumpanija ARUP biex tagħmel studju dwar il-possibilità ta’ trasport tal-massa f’pajjiżna. Qal li nhar is-Sibt 2 ta’ Ottubru, il-Gvern ippubblika għad-diskussjoni r-riżultati ta’ dan l-istudju bil-għan li l-poplu jkun jista’ jiddiskuti l-konklużjonijiet u jekk il-pajjiż għandux jimxi f’din id-direzzjoni.

Il-Ministru Borg spjega li eventwalment, jekk il-pajjiż jiddeċiedi li jmur għall-proġett, ikunu jridu jsiru studji oħra fosthom dawk ġeoloġiċi, dawk tal-impatt ambjentali u oħrajn.

Huwa kompla jgħid li l-investiment ta’ €6.25 biljun kienet fost il-punti l-iktar li ġew innotati mill-midja, għalkemm irid jingħad li kif spjegaw l-esperti fi briefing apposta din l-istima tinkludi kontinġenza ta’ 45% li fiha tieħu akkont ta’ inċertezzi li jistgħu jinstabu fil-proċess tal-kostruzzjoni.

“Ovvjament bħala Gvern jekk kemm-il darba nagħżlu li nkunu qed immorru għal din it-triq, se nkunu qed naraw li jkun hawn diskussjoni serja u xierqa dwar dan il-proċess filwaqt li nesploraw forom differenti ta’ finanzjament anke billi nidħlu f’diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar possibiltà ta’ finanzjament Ewropew ukoll,” qal il-Ministru Borg.

Huwa saħaq li wieħed ma jistax jifred din id-diskussjoni minn oħrajn importanti fosthom dik tar-reklamazzjoni tal-art hekk kif proġett ta’ dan it-tip joħloq skart qawwi tal-kostruzzjoni li għandna nħarsu lejh bħala riżorsi.

Fl-istess ħin irid jingħad li fost bosta benefiċċji li dan l-istess mezz ta’ trasport iġib miegħu hemm ukoll dawk li ma tistax tikkwantifikahom fosthom iż-żieda fil-produttività ekonomika, l-impatt qawwi fuq it-turiżmu, l-impatt fuq id-dehra ta’ pajjiżna fejn jidħol l-investiment dirett barrani kif ukoll l-impatt ambjentali u pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja.

Il-Ministru Borg għamilha ċara li dawn huma biss studji u pariri ta’ esperti internazzjonali u mhux pożizzjoni aħħarija tal-Gvern u għalhekk kompla jħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet tekniċi u amministrattivi tiegħu f’din id-diskussjoni nazzjonali. “Dan sabiex jekk kemm-il darba naraw li se nkunu qed immorru għal sistema ta’ trasport tal-massa bħal din, tkun waħda kif jixieq il-poplu Malti u Għawdxi li tkun fuq kollox soluzzjoni fattibbli.”

Ekonomija

Sport