Thursday, May 1, 2025

L-isport jagħtik ħafna saħħa … l-għejja u l-uġigħ tal-lum huma s-saħħa ta’ għada – Sara u Kurt Spiteri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tagħkom lejn il-Hyrox?

L-imħabba tagħna għall-hyrox bdiet ftit xhur ilu, meta nzertajtna konna għaddejjin mill-Campus tal-Universitá u rajna n-nies jipprattikaw dan l-isport waqt kompetizzjoni. Minn dejjem konna nħobbu l-isport u nkunu attivi, iżda qatt ma sibna dak l-isport li vera ħabbejna f’dwan l-aħħar snin, iżda llum nistgħu ngħidu li l-hyrox hu dak l-isport li kellna bżonn f’ħajjitna. 

Qabel bdejna dan l-isport kellna nikkomunikaw bejnietna bħala koppja u naraw kif se nkunu qed inqassmu l-ħin tat-taħriġ, kemm għax aħna t-tnejn naħdmu full-time, kif ukoll għax għandna tifel li ma rridux intellfulu r-rutini li wara l-iskola, jigi d-dar, jagħmel il-homework u wara jattendi xi attivitajiet. Apparti dan kollu, hemm it-tisjir u l-ikel li nieklu li jilgħab parti importanti. Għalhekk aħna ddeċidejna li Kurt jittrenja filgħodu, jitlaq mid-dar għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħodu u Sara tittrenja filgħaxija, nilħaq nasal id-dar mix-xoghol, nissetilja t-tifel, inlesti l-affarijiet tad-dar u nitlaq għat-taħriġ. Kurt jittrenja darba u ġieli anke darbtejn kuljum, filwaqt li Sara tittrenja 4/5 darbiet fil-ġimgħa. Meta tkun riesqa kompetizzjoni, minn xahrejn qabel iżid it-taħriġ, għal Kurt ġieli darbtejn kuljum, filwaqt li Sara tattendi kuljum u s-sessjonijiet jitwalu minn siegħa, għal siegħa u nofs jew sagħtejn. Kif għidt ftit qabel, l-ikel ukoll jilgħab parti importanti f’dan l-isport u għalhekk il-klabb li nittrenjaw miegħu ma joffrix biss taħriġ professjonali iżda wkoll nutrizzjonista biex tidderiġina. Għalkemm dan jirrikjedi ħafna ħin, huwa ta’ sodisfazzjon li tara kollox jingħaqad f’daqqa. 

X’unuri maġġuri ksibtu sa issa f’dan l-isport li tant tħobbu?

Bħala sport ilna nipprattikawh għal madwar sitt xhur. Kurt diġá kellu l-opportunitá li jmur il-Polonja darbtejn biex jirrapreżenta lil pajjiżna. Sara ħadet sehem f’żewġ kompetizzjonijiet barra minn Malta, iżda nħoss li għad baqagħli x’nittrenja qabel nipprova mmur għall-kompetizzjoni barra minn xtutna, forsi għal wara s-sajf, iżda ninsab kuntenta ħafna bil-ħinijiet li għamilt hawn Malta waqt il-kompetizzjonijiet kif ikoll it-titjib li nara minn sessjoni ta’ taħriġ għall-oħra. 

Bis-saħħa ta’ dan l-isport, bdejna nieħdu sehem ukoll f’diversi tiġrijiet li jsiru f’pajjiżna. Kurt ħa sehem f’diversi ‘half marathons’ u 5k runs, filwaqt li Sara ħadet sehem f’5k runs. Kurt ġieli kiseb ukoll xi podiums waqt xi kompetizzjonijiet tal-ġiri. 

Kif tqisu l-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?

Hawn diversi atleti Maltin li qed jieħdu dan l-isport b’serjetá u tarahom jirbħu l-unuri kemm Malta kif ukoll barra minn Malta. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Meta mqabbel ma’ barra minn xtutna, il-postijiet ta’ fejn isiru l-kompetizzjonijiet huma limitati. Wieħed milll-eżempji hu li barra minn xtutna, il-hyrox issir taħt tinda, filwaqt li Malta ssir barra għall-elementi. Kien hemm kompetizzjonijiet Malta li saru fi ġranet b’ħafna xita filwaqt li kompetizzjonijiet oħra f’xemx tiżreġ, filwaqt li barra minn xtutna dan ma jtelllifx minħabba li jsiru ġewwa. 

F’Malta għandna ħafna kowċis professjonali f’dan l-isport. Hawn diversi postijiet fejn jitħarrgu n-nies għal dan l-isport u ħafna minn dawn il-postijiet huma attrezzati b’diversi magni u spazji biex wieħed ikun jista’ jipprattika dan l-isport.

Kif qed tħarsu lejn il-futur tagħkom fil-Hyrox?

Aħna dejjem naspiraw li nkomplu nitjiebu fil-livell f’dan l-isport Jekk tibqa’ l-imħabba lejn l-isport, dan iseħħ żgur. 

Għaddu messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

Il-hyrox hu sport għal kullhadd, m’hemmx etá, hux mara jew raġel. Waqt il-kompetizzjoni tal-hyrox tara nies ta’ etajiet u abiltajiet differenti.  L-isport jagħtik ħafna saħħa … l-għejja u l-uġigħ tal-lum huma s-saħħa ta’ għada!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport