Friday, April 26, 2024

L-Isqof t’Għawdex jagħti ċ-Ċurkett Episkopali tiegħu lill-Kappella tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Aqra wkoll

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi organizzat pellegrinaġġ lejn is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fil-gżira Għawdxija. Dan il-pellegrinaġġ sar wara stedina tal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Theuma. 

Waqt quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju ta’ Pinu, l-Isqof ta’ Għawdex qal li jħossu kburi li kien qed jilqa’ lil priġunieri f’din l-okkażjoni. Il-Mons. Isqof qal li “qatt mhu tard biex nikkonvertu, mhux biss intom li tinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin imma anke aħna li qegħdin hawn barra irridu nikkonvertu bħalkom jekk mhux iktar minnkom.”

Waqt l-Omelija, l-Isqof Theuma ta ċ-Ċurkett Episkopali tiegħu lill-priġunieri biex dan jitpoġġa fil-Kappella tal-Faċilita Korrettiva. Dan is-simbolu juri r-rabta li hemm bejn id-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Aġenzija u l-priġunieri. 

Mons. Isqof Anton Theuma rringrazzja lit-tmexxija tal-Aġenzija li laqgħu l-istedina tiegħu filwaqt li estenda din l-istedina biex il-pellegrinaġġ jibda’ jsir kull sena. Għal din l-okkażjoni, il-Kardinal Mario Grech ġie Malta minn Ruma biex ikun preżenti biex jitkellem mal-uffiċċjali korrettivi kif ukoll mal-priġunieri. 

Ir-Rettur tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Dun Gerald Buhagiar, ħabbar li l-għamara kollha li hemm bżonn għad-dar tal-irtiri u li qed tinbena taħt iz-zuntier tal-istess Santwarju, ser tinħadem mill-priġunieri. B’hekk id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tagħti s-sostenn tagħha lejn il-Prison Industry li bdiet titħaddem mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi sa mis-sena 2019.

Sport