Wednesday, April 24, 2024

L-ISTAT TAL-UNJONI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kemm ili nisimgħu, dejjem nistaqsi lili nnifsi: fid-diskors dwar il-qagħda tal-Unjoni li l-President tal-Kummissjoni Ewropea j/tiġi j/tagħmel kull sena quddiem il-Parlament Ewropew, jista’ jkun hemm xi ħaġa ġdida?

L-aktar ġdid li jista’ jkun hemm jikkonċerna l-priorità li l-Kummissjoni biħsiebha tagħti lid-diversi materji quddiemha għad-diskussjoni u d-deċiżjoni. Imma mhux dwar l-għażliet politiċi ewlenin li jkunu jridu jsiru jew li saru. Tal-aħħar ikunu diġà magħrufa. U l-preferenzi tal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet pendenti, għalkemm magħrufa, xorta mhumiex se javvanzaw b’li joħroġ minn fomm il-President quddiem il-Parlament. L-aktar eżempju lampanti ta’ dan matul is-snin kienet il-politika ta’ immigrazzjoni, imma mhux biss.

Illum l-akbar kwistjoni hi kif l-Ewropa se tkampa quddiem il-kriżi tal-enerġija li mistennija tilħaqha dix-xitwa. Sadattant, l-ilment sar moda li l-Kummissjoni ttardjat wisq biex tipprovdi s-soluzzjoniiet tagħha. Dan narah bħala paraventu. Warajh qed jistkennu stati membri li fil-fatt kienu huma littardjaw biex iqisu l-konsegwenzi ta’ x’qed jiġri.

Okkażjonijiet bħad-diskors dwar il-qagħda tal-Unjoni, mogħtija importanza għar-raġunijiet tagħhom mill-Kummissjoni u mill-Parlament, iservu biex jikkonfortaw it-tattika tal-pajjiżi membri li jinqdew bil-Kummissjoni bħala paraventu.

GWERRA BIN-NUKLEARI

Fi żmien il-gwerra bierda, kważi l-ħin kollu kienet għaddejja tellieqa ta’ bini u żvilupp ta’ armamenti nukleari. Iż-żewġ superpotenzi kienu theddida permanenti għal xulxin.

Fl-istess ħin, kulħadd kien imwerwer li tassew tista’ tfaqqa gwerra nukleari li bit-teknoloġiji żviluppati diġà, kienet tfisser il-qerda totali jew kważi taż-żewġ naħat u magħhom parti sostanzjali mill-bqija tal-umanità. Dal-biża’ serva ta’ brejk fuq kulħadd. Daqs kemm saru sforzi ta’ żvilupp tan-nukleari, saru ħidmiet diplomatiċi, li rnexxew, biex jevitaw li tiġi dikjarata gwerra bihom.

Kulħadd emmen li bi tmiem il-gwerra bierda, l-biża’ ta’ gwerra hekk tbiegħed għal kollox.  Minn dak li wieħed jisma’ u jaqra, dal-biża’ reġa’ magħna. Il-brejkijiet li kienu jeżistu matul il-gwera bierda, m’għadhomx kollha hemm.

INDIPENDENZA, ĦELSIEN

Għal snin twal, waħda mill-piki politiċi li baqgħet għaddejja bejn iż-żewġ partiti l-kbar kienet fit-tqabbila bejn l-indipendenza u l-ħelsien. Waħda kien “ġabha” l-PN, l-oħra l-PL. Fis-snin sebgħin meta l-gvern Laburista neħħa l-għarfien uffiċjali tal-Indipendenza, din inbidlet f’okkażjoni massiċċa għal mobilizzazzjoni Nazzjonalista, u nżammet hekk għal deċennji. Iċ-ċelebrazzjoni tal-ħelsien baqgħet politikament anqas ferventi, speċjalment għax tal-Labour kellhom l-ewwel ta’ Mejju bħala l-aqwa festa tradizzjonalment tagħhom, dak iż-żmien.

Illum li l-piki birdu, għandna wkoll il-PN li għar-raġunijiet tiegħu, naqqas kważi għal kollox il-fervur tal-festi tal-indipendenza kif ċelebrati minnu. Niddubita jekk qattx se jġibu lura u l-kommemorazzjoni tal-ġrajja, l-istess bħal tal-ħelsien, x’aktarx tibqa’ sempliċement okkażjoni politika oħra.

Sport