L-Istati Uniti akkużat lill-mexxej tal-Ħamas Yahya Sinwar u diversi persuni prominenti oħra ta’ dan il-grupp Palestinjan b’rabta mal-attakk fatali li twettaq f’Iżrael fis-7 ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet.
Id-dipartiment tal-ġustizzja qal li ħareġ akkużi kontra sitt membri tal-Ħamas, fosthom il-qtil ta’ ċittadini Amerikani, konfoffa biex ikun iffinanzjat it-terroriżmu u l-użu ta’ armi tal-qerda tal-massa.
L-ilment kriminali jkopri għexieren ta’ snin ta’ allegati attakki mill-Ħamas, kif ukoll l-attakk bla preċedent fuq in-Nofsinhar ta’ Iżrael kważi sena ilu.
Dan huwa meqjus bħala l-ewwel pass mill-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti li jżommu responsabbli lill-mexxejja tal-Ħamas għall-attakk tas-7 ta’ Ottubru, għalkemm minn tal-inqas tlieta minn dawk imsemmija fl-akkużi huma mejta u Sinwar huwa maħsub li qed jistaħba f’mini xi mkien taħt Gaża.
L-Avukat Ġenerali Merrick B. Garland qal li l-akkużati kieu “responsabbli biex iffinanzjaw u jidderieġu kampanja twila ta’ għexieren ta’ snin biex jinqatlu ċittadini Amerikani u jipperikolaw is-sigurtà tal-Istati Uniti.” Kien allegat ukoll li l-grupp “mexxa wkoll l-isforzi tal-Ħamas biex jeqred l-istat ta’ Iżrael u joqtol nies ċivili biex jasal għal dak il-għan.”