Saturday, May 4, 2024

L-istħarriġ: jekk mhux twissija allura x’inhu?

Aqra wkoll

Għal nhar il-Ħadd li għadda l-gazzetta it-TORĊA kkummissjonat stħarriġ (survey) ta’ Dr. Vincent Marmara, espert f’dan il-qasam, li abbażi ta’ kampjun ta’ 1,000 persuna stħarreġ x’qed jaħsbu l-Maltin dwar il-qagħda politika bħalissa.
Il-punti ewlenin li ħarġu minn dan l-istħarriġ huma:

L-ammont ta’ votanti li jitfgħu l-vot tagħhom kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali bħalissa kien ikun ta’ 68%.

Il-Partit Laburista kien jirbaħ b’maġġoranza ta’ 20,478 vot fuq il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Laburista jkun kiseb 51.5% tal-voti mitfugħa paragunat ma’ 55.1% li kiseb fl-Elezzjoni ta’ Marzu 2022. Ikun naqqas 3.6%.

Il-Partit Nazzjonalista jkun kiseb 43.1% tal-voti mitfugħa paragunat ma’ 41.7% li kiseb fl-Elezzjoni ta’ Marzu 2022. Ikun żied 1.4%.

Ikun hemm differenza ta’ 8.4% bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista, favur il-Partit Laburista.

Fejn tidħol fiduċja fiż-żewġ mexxejja, Dr Robert Abela (PL) u Dr Bernard Grech (PN), hemm differenza ta’ 18.2% favur il-Mexxej Laburista li kiseb il-fiduċja ta’ 41.3% komparata ma’ 23.1% li kiseb il-Kap Nazzjonalista.

Minn fost dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2022 kien hemm 19% li qalu li ma jmorrux jivvutaw. Kien hemm 7.7% li sa dakinhar tal-istħarriġ kienu għadhom indeċiżi x’jagħmlu filwaqt li 2.1% qalu li kienu jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista.

Fir-rigward tal-Partit Nazzjonalista minn fost dawk li vvutawlu f’Marzu 2022 kien hemm 14.8% li qalu li ma jivvutawx filwaqt li 5.6% kienu għadhom indeċiżi.

Punti li fihom x’tomgħod. Mhux biss fuq livelli ta’ partiti imma anke fuq livell nazzjonali. Forsi mhux inkwetanti li terz tal-elettorat li vvota liż-żewġ partiti (19% fejn jirrigwarda l-Partit Laburista u 14.8% lill-Partit Nazzjonalista) jiddikjara li mhux lest jivvota kieku ssir Elezzjoni Ġenerali għada? Mhux ta’ tħassib il-fatt li 13.3% tal-elettorat li vvotaw liż-żewġ partiti (7.7% fir-rigward tal-Partit Laburista u 5.6% fir-rigward tal-Partit Nazzjonalista) jiddikjaraw li huma indeċiżi, ma jafux x’se jagħmlu?

Mil-lenti personali nara li abbażi ta’ dan kollu ż-żewġ partiti ewlenin għandhom problema mhux żgħira, anke jekk nemmen li għal raġunijiet differenti. Li jkollok persentaġġ daqstant għoli tal-elettorat bejn iż-żewġ partiti li jgħidlek li l-fiduċja fik bħala partit naqsitli b’tali mod li m’għadx għandi interess immur nivvota la lilek u lanqas lill-partit l-ieħor mhix ċajta.

F’pajjiż fejn imdorrijin b’persentaġġi għoljin fejn jirrigwarda votazzjonijiet persentaġġ ta’ 68% ikollok iżżid miegħu l-kelma BISS f’forma ta’ mistoqsija. Interessanti l-fatt li dawk li lesti jastjenu, fuq iż-żewġ naħat, ma jarawx alternattiva fin-naħa l-oħra? U lanqas ma jidher li jaraw alternattiva fil-partiti l-oħrajn, il-partiti ż-żgħar.

It-tnaqqis fil-persentaġġi ta’ dawk li joħorġu jivvutaw ma bdietx ma’ dan l-istħarriġ. Rajniha anke fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2022 paragunat ma’ dik ta’ qabilha. U issa żdiedet f’dan l-istħarriġ.

Il-Partit Laburista. Trid tkun tmeri s-sewwa magħruf jekk tgħid li f’dawn l-aħħar 10 snin ma sarx ġid, u jien ngħid ġid kbir. Ġid li b’xi mod laqat lil kulħadd, anke jekk b’kejl differenti.

Allura x’wassal biex aktar minn kwart, 26.7%, ta’ dawk li fl-aħħar elezzjoni vvutaw Labour illum qed jgħidulek li jew lesti ma jivvutawx (19%) jew huma indeċiżi (7.7%)? U mhux qed ngħidlek li hemm 2.1% li lesti jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista, li fir-realtà dawn ifisser 4.2% għax 2.1% telqu lilek u marru fuq in-naħa l-oħra.

Possibbli li dawn kollha marru jħabbtu l-bieb ta’ xi Ministru u sabuh magħluq? Ma ngħidx li m’hemmx minnhom, imma lanqas nemmen li kollha għandhom raġun. Ma jfissirx li dak li jidhirlek li trid bilfors għandek dritt għalih. F’sitwazzjonijiet bħal dawn qegħdin nispjegawlhom għala dak li qed jippretendu ma jkollhomx dritt għalih? Jew qegħdin inwaħħlu f’dak jew l-ieħor li hu jew hi qegħdin iżommu milli tingħata dak li fil-fatt m’għandekx dritt għalih?

Tisimgħu bi stejjer fejn Laburisti ġenwini litteralment ‘jissawtu’ minn Laburisti oħrajn? Tisimgħu bi stejjer fejn Laburisti ġenwini jisfaw vittimizzati minn nies li twieldu lbieraħ imma li llum iħossu li għandhom farka poter u qegħdin jisfruttawha b’mod inġust? Mhux ikun innotat li hemm min hu urtat bil-kbir? Mill-ġdid, mhux bilfors ikollu raġun, imma qegħdin jersqu lejhom lil dawn in-nies biex almenu jisimgħuhom u jispjegawlhom? Qiegħed kulħadd jiġbed ħabel wieħed?

Fuq bażi mhux partiġġjana, imma fuq bażi nazzjonali, kemm minn dawk it-terz tal-elettorat li m’hu lest jivvota għall-ebda partit, huma mxebbgħin bl-andament politiku f’pajjiżna? Mhux faċli tgħid kemm huwa l-persentaġġ ta’ dawk li qatgħu qalbhom minn kulħadd, imma ċertament li fost dak it-terz hemm minnhom mhux ftit. X’inhuma l-problemi li din il-faxxa tal-elettorat qatgħet qalbha minnhom? Il-kwistjoni ta’ ħaddiema barranin u l-isfruttament tagħhom? Il-kwistjoni tal-permessi tal-bini kif jinkwadra fl-ambjent? Il-kwistjoni taż-żjieda fin-numru ta’ karozzi fit-toroq? L-akkużi dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni? Il-kwistjoni tal-inflazzjoni u l-effett tagħha fuq il-prezzijiet?

Meta tpoġġi kollox fil-miżien possibbli li ‘t-tajjeb’ mhux tqil biżżejjed biex jegħleb b’aktar milli għeleb bih lill-‘ħażin’?

Ma jistax jingħad li l-Prim Ministru mhux qed jispjega kif qed jittratta kull problema minn dawn. Anzi. Imma dak li qed jispjega b’tant reqqa l-Prim Ministru qiegħed ikun segwit kif mistenni?

Il-Partit Nazzjonalista. Il-problema li qed jiffaċċja hija differenti, imma daqstant kbira. Jekk il-Partit Nazzjonalista kunsidrat dan t’hawn fuq jidher li mhux jirnexxielu jippenetra allura l-problema bilfors li hija waħda interna. Bilfors li ddur mal-Kap Nazzjonalista. Nemmen li din hija ħaġa li l-Partit Nazzjonalista jafha u jaf li l-għeruq tagħha jmorru lura lejn meta kien hemm min deherlu li proċess demokratiku fl-għażla tal-Kap għandu jimminah. Jekk kien hemm min ħaseb li din il-ġerħa tal-Partit Nazzjonalista bdiet tagħlaq, l-istħarriġ juri li dan mhux il-każ. U mhux il-każ, għax il-Kap ‘impost’ fuq ir-rieda tal-maġġoranza ma laħaqx il-livell mistenni biex forsi jiġġustifika proċess ivvizzjat li wassal għall-għażla tiegħu.

Jekk dak li rriżulta mill-istħarriġ mhux twissija liż-żewġ partiti allura ma nafx x’inhu.

[email protected]

Sport