Saturday, December 21, 2024

“L-istigma u l-preġudizzji naqsu imma għadhom hemm”

Ġenitur ta’ persuna LGBTIQ+ jisħaq li lit-tfal għandna nibqgħu nħobbuhom huma kif inhuma

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għaż-żgħażagħ huma normali. Mill-Knisja Kattolika huma aċċettati iżda b’restrizzjonijiet. Għall-Gvern huma ċittadini bl-istess drittijiet. Fl-iskola huma studenti bħal studenti oħra. Għal xi nies fis-soċjetà huma “differenti” mentri, għall-ġenituri, l-ulied LGBTIQ+ huma dejjem l-għeżież tfal tagħhom.

F’pajjiżna għadna kemm iċċelebrajna l-Pride Week b’dik ta’ ġimgħa ilu f’Għawdex u oħra f’Malta lbieraħ fil-Belt Valletta. Minkejja li pajjiżna huwa minn ta’ quddiemnett fid-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+, l-isfidi għal dawn il-persuni u l-familji tagħhom għadhom hemm. Dan minħabba li minkejja li naqsu, l-istigma u preġudizzji għadhom hemm.

Fil-fatt, fostna għandna familji li bħalissa għaddejjin minn tbatija minħabba li wliedhom għandhom orjentazzjoni sesswali jew jidentifikaw ruħhom f’ġeneru differenti minn dak li twieldu bih. Iżda, din it-tbatija m’għandhiex tkun hemm. Dan il-messaġġ qiegħed iwasslu missier li bintu hija parti mill-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna. Missier li anke inti u titkellem miegħu tara b’mod evidenti għall-aħħar l-imħabba kbira li għandu għal bintu. 

Minkejja li mhux kulħadd lest jitkellem bil-miftuħ dwar dan is-suġġett, dan il-missier għażel li jaqsam l-esperjenza personali tiegħu f’din l-intervista ma’ dan is-sit. Fl-istess ħin huwa qiegħed iqajjem għarfien kemm f’pajjiżna, minkejja l-avvanzi kollha li għamilna, sfortunatament għad hemm stigma u preġudizzji lejn persuni LGBTIQ+ kif ukoll lejn il-familji tagħhom. 

Kontra kull kurrent li ffaċċja u jista’ jerġa’ jiffaċċja aktar ‘il quddiem, dan il-ġenitur ma għotorx u mhuwiex beħsiebu jogħtor. Din is-saħħa qiegħda hemm grazzi għall-fatt li kif saħaq magħna, bintu tibqa’ tiegħu irrilevanti minn kollox, inkluż li hija persuna LGBTIQ+. Jispjega kif il-fattur importanti għalihom bħala familja kien ċar, “it-tifla hija tagħna hi kif inhi u aħna għandna nħobbuha”.

Vjaġġ ta’ aċċettazzjoni

… Ma kienx faċli

“Sirna nafu meta t-tifla kellha madwar 15-il sena. Bażikament din ħarġet mill-iskola mdejqa għax kienet qiegħda tiġi attakkata minn ibbuljar ta’ tfal oħra u qisha ma setgħetx taċċetta lilha nnfisha. Barra minnhekk kienet ħatfitha l-biża’ meta bdiet tipprova tara kif se tesprimi lilha nnfisha mal-familjari.

Bħala familja, aħna ddiskutejniha u ħsibna li l-importanza tat-tifla hija li aħna nagħtuha l-imħabba u naċċettawha kif inhi. Dan kien fattur importanti għalina – li t-tifla hija tagħna… hi kif inhi u aħna għandna nħobbuha”.

Hekk beda jirrakkonta missier li ftit snin ilu ħa l-aħbar li bintu hija miġbuda lejn in-nisa. Hija li żammet statut femminili, sabet appoġġ totali mill-familja tagħha u flimkien għamlu vjaġġ ta’ aċċettazzjoni. Vjaġġ li l-aktar minħabba fatturi esterni, ma kienx u għadu mhuwiex, wieħed faċli.

“Ma ndunajniex mill-ewwel”

Bħala orjentazzjoni sesswali l-ġenituri tagħha ma ndunawx mill-ewwel. Dan minħabba li huma kienu tal-fehma li ta’ dik l-età t-tfal ikunu qegħdin jesperimentaw. Spjeega li, “mhuwiex daqstant faċli li wieħed jinduna. Kienet hija li qaltilna u esprimiet l-opinjoni tagħha magħna u aħna aċċettajniha kif inhi”.

Mistoqsi xi ħsibijiet għaddewlu fil-mument li sar jaf, dan il-missier ikkonferma li ħsibijiet għaddewlu ħafna fosthom dak li rabba tifla u kif għalihom, l-affarijiet inbidlu. Però hawn b’pożittività rribattta li, “imma wieħed irid jaċċetta s-sitwazzjoni kif inhi”. 

“Dejjem rajna x’inhu l-ġid tal-familja u tat-tfal”

Huwa spjega kif il-fatt li ddiskutew bħala familja, iħoss li kien fattur importanti. Żied kif, “dejjem dorna mal-mejda. Dejjem rajna x’inhu l-ġid tal-familja tagħna u x’inhu l-ġid tat-tfal tagħna. Huwa importanti li nibqgħu nagħtuhom l-imħabba tagħna. Kienet diskussjoni mhux faċli anzi, kienet waħda tqila ħafna. Esperjenza diffiċli imma għall-grazzja t’Alla bqajna konsistenti u bqajna naħsbu bl-istess mod”.

Dwar jekk mill-esperjenza tiegħu jarax li hemm stigma dan il-missier b’ħarsa ddiżappuntata qal li, “għalkemm l-istigma fuq il-persuni LGBTIQ+ naqset, din għadha hemm u għad hemm ukoll il-preġudizzji. Hawn min iħares lejn tali persuni bħala dnub mejjet u bħala kruha. Għad fadal ħafna x’nitgħallmu.

Il-problema hija li kull tant hemm persuni li ma jifhmux u ma jidħlux fiż-żarbun tal-oħrajn. Jiġifieri, qisu l-kelma imħabba għadha fl-arja. Personalment naraha li l-empatija qisna nħarsu lejha biss bħala ballun. Nixxutjawh fejn jaqblilna”. 

“Il-ħajja mhiex faċli…

Imma, iż-żminijiet qegħdin jinbidlu”

Bħala diffikultajiet partikolari huwa qalilna li fil-verità, qatt ma ħasbu fuqhom għajr forsi dik li l-ħajja mhiex faċli. “Imma ż-żminijiet qegħdin jinbidlu u l-ideat qegħdin joħorġu fil-beraħ. Għaldaqstant, ma tantx nara li fil-futur ikun hemm aktar diffikultajiet,” kompla dan il-missier.

Quddiem il-fatt li Malta huwa wieħed mill-aktar pajjiżi progressivi fil-qasam tad-dritttijiet tal-komunità LGBTIQ+ huwa spjega li, ‘iva, Malta fir-rigward hija progressiva speċjalment fejn jidħlu l-persuni LGBTIQ+.

Hawn ħafna għarfien u tagħlim. Ikolli ngħid però li xi drabi mhuwiex biżżejjed. Dejjem hemm lok ta’ titjib u aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin naraw lil dawn il-persuni jiġu aċċettati”. 

Bħala ġenitur huwa jixtieq li l-ġenituri jifhmu li għandhom jibqgħu jkattru l-imħabba lejn it-tfal tagħhom f’dan l-aspett. “Għax imħabba diġà teżisti u l-valuri qegħdin hemm. Imma, kull tant, meta niffaċċjaw din is-sitwazzjoni, ħafna jsibuha wisq diffiċli li jaċċettawha. Is-suġġerimenti tiegħi bħala ġenitur huwa li jaħsbu ftit aktar bil-qalb imma wkoll bil-moħħ billi jaraw il-ġid ta’ dawn iż-żgħażagħ u ta’ dawn it-tfal x’inhuma”. 

“La kuntenti huma, għandna nkunu kuntenti aħna”

Bħala messaġġ għall-ġenituri kollha huwa li lit-tfal tagħna għandna nħobbuhom kif inhuma bla ebda qies. Insista li, “għandna nħobbuhom għax dawk huma tagħna. Huma kif inhuma tagħna. M’hemmx preġudizzju. Inħobbuhom għall-mod kif iħobbu huma”. 

Min-naħa tiegħu huwa dejjem juża din il-frażi – la kuntenti huma, għandna nkunu kuntenti aħna. Spjega li llum hawn ħafna tagħlim, kif ukoll hawn ħafna fejn wieħed jitkellem u jitgħallem. “Imma, jibqa’ l-fatt li lit-tfal tagħna għandna nibqgħu nħobbuhom huma kif inhuma.

Dan huwa l-messaġġ tiegħi għall-ġenituri li jista’ jkun li bħalissa għaddejjin minn tbatija minħabba din is-sitwazzjoni. Għandhom jaraw din it-tbatija bħala opportunità sabiħa ta’ mħabba,” temm dan il-missier. 

Ekonomija

Sport