Saturday, December 21, 2024

L-ISTRATEĠIJA EKONOMIKA TA’ MALTA LI QED TAĦDEM 

Aqra wkoll

Matul l-aħħar ġimgħat rajna tliet rapporti li kollha qegħdin jindikaw b mod car li l-andament ekonomiku f’pajjiżna mistenni jibqa’ b’saħħtu fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Dan ġie kkonfermat minn rapporti tal-IMF, tal-Kummissjoni Ewropea u anke bl-aħħar rapport tal-agenzija Fitch. 

Din tal-aħħar fil-fatt kkonfermat il-klassifikazzjoni tal-pajjiż għal sena ohra, dik ta’ A+. Irrimarkat wkoll li l-prospetti tal-pajjiż jidhru stabbli. Dan hekk kif l-ekonomija tagħna se tkun qed tikber b’9 darbiet aktar mit-tkabbir li se tkun qed tara l-Unjoni Ewropea matul l-2023.

Fl-istess waqt għall-2024, l-ekonomija Maltija hija mistennija li tikber bl-akbar rata fl-Ewropa kollha. Fl-istess ħin l-għoli tal-ħajja mistenni jibda jonqos matul is-sena li ġejja.

Huwa ċar li l-istrateġija ekonomika f’pajjiżna fejn in-nies u n-negozji jiġu protetti minn prezzijiet tal-elettriku li ma jifilħux qiegħda taħdem. Dan qiegħed iħalli impatt pożittiv fuq il-konsum u stabilità ekonomika. Fl-istess waqt jista’ jkollu impatt pożittiv wkoll fuq il-kompettività ta’ ħafna min-negozji Maltin li jesportaw lejn l-Ewropa minħabba spejjeż tal-operat li jistgħu jkunu relattivament anqas minn dak li qed iħallsu kumpaniji fil-kontinent.

F’sitwazzjoni fejn id-dinja qiegħda tbati mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna permezz ta’ prezzijiet tal-enerġija għoljin u inflazzjoni qawwija, l-aġenzija rrimarkat li s-sussidju tal-gvern irnexxielu jikkontrolla r-rata tal-inflazzjoni fil-pajjiż għat-tielet l-inqas fl-Ewropa. Il-livell ta’ inflazzjoni għal din is-sena huwa mbassar li jilħaq medja ta’ 6.2% u t-tbassir huwa li mis-sena d-dieħla, għandha tibda nieżla għal-livell ta’ 4.8%.

Dan is-sussidju seta’ jsir biss permezz tal-pożizzjoni ekonomika tal-pajjiż qabel il-pandemija u l-gwerra. Is-sahha tal-ekonomija qabel dawn il-ġrajjiet iffaċilitat il-pożizzjoni tal-Gvern biex jagħti sussidji, u jżomm id-defiċit relattivament baxx. 

Fil-fatt ir-rapporti kollha jindikaw li d-dejn tal-pajjiż mhuwiex se jaqbeż il-limitu tas-60% stabbilit mill-Ewropa fis-snin li ġejjin, grazzi għal-livell baxx ħafna ta’ dejn li Malta kienet qed tgawdi qabel il-pandemija. It-tbassir tal-livell tad-dejn tindika li dan se jerġa’ jibda nieżel fis-snin li ġejjin. 

Sadanittant, fattur ieħor wara dan ir-riżultat huwa t-tnaqqis tad-defiċit tal-pajjiż f’din l-aħħar sena. L-aġenzija qed tbassar li d-defiċit tal-pajjiż se jonqos b’2% mis-sena l-oħra, u li fis-snin li ġejjin għandu jonqos iktar. 

Apparti l-ekonomija, ir-rapporti kollha qegħdin jieħdu nota tas-saħħa tas-suq tax-xogħol fil-pajjiż. Ir-rata ta’ qgħad fil-pajjiż baqgħet baxxa ħafna matul il-pandemija. Dan primarjament grazzi għall-Wage Supplement Scheme li salvat tant xogħlijiet u baqgħet għaddejja sa Mejju ta’ din is-sena. Intant, it-tbassir tal-qgħad fil-pajjiż huwa stabbli ħafna, u għandu jibqa’ fil-livell ta’ 3% is-sena li ġejja. 

It-tneħħija ta’ Malta mil-lista l-griża wkoll kellha effett pożittiv fuq ir-rating tal-pajjiż. Minħabba l-fatt li Malta tneħħiet minn fuq din il-lista f’temp ta’ sena, il-pajjiż irnexxielu jillimita l-effett negattiv li seta’ jinqala’ u żamm saħħa ekonomika u bankarja relattivament stabbli matul din is-sena.  

Ekonomija

Sport