Monday, July 15, 2024

L-istudenti Ukreni lura għall-iskola minkejja attakki kontinwi

Aqra wkoll

Għandna tassew għalfejn inkunu grati li wliedna jistgħu jmorru l-iskola mingħajr theddid kontinwu li jintlaqtu minn xi attakki bl-ajru. Sfortunatament, hemm pajjiżi li ma jistgħux jgħidu l-istess minħabba l-gwerra, fosthom l-Ukrajna.

L-awtoritajiet Ukreni qalu li s’issa, mindu bdiet il-gwerra Russo-Ukrajna, huwa stmat li nqerdu iktar minn 360 faċilità edukattiva, filwaqt li madwar 3,000 oħra ġarrbu xi ħsarat.

Wieħed mill-aħħar attakki riċenti li saru din il-ġimgħa seħħ fi skola f’Romny, belt fit-Tramuntana tal-Ukrajna. Tetyana Prokopenko, il-Kap ta’ din l-iskola, nhar l-Erbgħa li għadda rħitilha lejn l-iskola għall-aħħar preparamenti tas-sena skolastika l-ġdida. Sfortunatament, hi flimkien ma’ tliet kollegi oħra – l-assistenta tagħha, is-segretarja u l-librara – ma reġgħux rritornaw id-dar. Huwa rrappurtat li huma kienu vittmi ta’ attakk minn drone Russu magħruf bħala ‘kamikaze’ li għoddu radam skola sħiħa. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10:00 a.m. (ħin lokal).

Hekk kif illum jaħbat l-ewwel jum skolastiku, tkompli titnissel il-biża’ fost l-għalliema, it-tfal u l-ġenituri Ukreni li matul il-ħin li jqattgħu l-iskola se jkunu fir-riskju li jaqgħu vittmi ta’ xi attakk mill-ajru.

Min-naħa tagħha, ir-Russja qed takkuża lill-Ukrajna li qed tuża l-iskejjel bħala bażi militari, filwaqt li Kyiv qed tgħid li dawn huma biss “allegazzjonijiet maħluqa minn kampanja ta’ propaganda qarrieqa”. Valery, ir-raġel ta’ Tetyana saħaq li fl-iskola fejn mietet martu, f’Romny, ma kien hemm xejn minn dan: “Naħlifilkom li ma kien hemm l-ebda militar”.

Ekonomija

Sport