Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena, saru bʼkollox 139,802 safriet ʼil barra mill-pajjiż għall-btala; warajhom kien hemm 46,869 safra li saru għal żjarat lill-ħbieb u l-qraba. It-turisti li siefru biex imorru fʼpajjiżi tal-Unjoni Ewropea u t-turisti l-oħra li telqu biex imorru fʼpajjiżi oħra żdiedu bi 2.5 u bi 2.4 fil-mija, rispettivament. L-Italja baqgħet il-pajjiż fejn l-aktar li jmorru n-nies minn Malta, bʼpersentaġġ taʼ 37.7 fil-mija tas-safar kollu.
Dan ħareġ minn statistika ppublikata mill-NSO, fejn ħareġ li l-biċċa l-kbira taʼ dawn it-turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena (47.4 fil-mija), filwaqt li warajhom kien hemm dawk fil-kategorija taʼ bejn il-45 u l-64 sena (30.7 fil-mija).
L-iljieli kollha mqattgħin mit-turisti li siefru fit-tieni kwart tal-2026 laħqu l-1.5 miljun lejl. L-akbar għadd taʼ dawn l-iljieli (54.2 fil-mija) kienu mqattgħin fʼakkomodazzjonijiet mhux mikrija. Matul dan is-safar, it-turisti qagħdu medja taʼ 6.9 iljieli. Ħareġ ukoll li sena għal sena, bejn April u Ġunju, l-infiq kollu mit-turisti li ħarġu ʼl barra mill-pajjiż laħaq il-€195.1 miljun, li jiġi daqs medja taʼ €911 kull persuna.
Jannar-Ġunju 2026
Fl-ewwel nofs tas-sena 2026, is-safar kollu ʼl barra minn Malta laħaq l-419,940 safra, li huma żieda ta’ 7.6 fil-mija meta mqabblin mal-istess perjodu tal-2025. L-iljieli mqattgħin minnhom telgħu bʼ10.6 fil-mija, u qabżu t-3.1 miljun lejl.
Barra minn hekk, l-infiq kollu minfuq minnhom kien stmat li laħaq it-€388.5 miljun, li jiġi 2.9 fil-mija aktar minn dak irreġistrat fl-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.


