Friday, December 27, 2024

L-Italja b’rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19 sa mill-bidu tal-pandemija

Aqra wkoll

L-Italja rreġistrat 8,804 każi ġodda ta’ persuni infettati bil-Covid-19 matul dawn l-aħħar 24 siegħa, l-ogħla ċifra reġistrata fil-pajjiż sa mill-bidu tal-pandemija. Dan wara li kienet rapportata żieda sinjifikanti fil-każi ġodda meta mqabbel mal-bieraħ meta kienu reġistrati 7,332.

Intant illum il-Ministeru Taljan għas-Saħħa kkonferma wkoll li kien hemm 83 mewt relatat mal-Covid-19, li wkoll hija qabża sinjifikanti mit-43 tal-bieraħ. Fl-istess waqt ir-rata tal-imwiet għada xorta ferm inqas minn meta l-pandemija fl-Italja kienet fl-eqqel tagħha f’Marzu u April li għadda. L-ogħla rata ta’ mwiet rapportata f’jum wieħed matul dawk ix-xhur kienet ta’ aktar minn 900 f’jum wieħed.

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma wkoll li n-numru ta’ persuni li ddaħħlu għall-kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva żdied konsiderevolment, u sal-lum il-pazjenti li qed jirċievu kura f’din it-taqsima tela’ għal 586 mill-539 rapportati lbieraħ.

F’nofs Lulju n-numru ta’ persuni li kienu qed jirċievu kura fit-taqsima tal-kura intensiva kien niżel għal 40.

L-Italja hija l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li ntlaqtet mill-Covid-19 u għandha t-tieni l-ogħla rata ta’ mwiet fil-kontinent wara l-Ingilterra.

Il-Gvern Taljan kien irnexxielu jikkontrolla t-tixrid tal-virus grazzi għal lockdown stretta, madankollu n-numru tal-infezzjonijiet matul dawn l-aħħar ġimgħat reġgħu żdiedu b’mod sinjifikanti.

Ekonomija

Sport