Għal din is-sena, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) irreġistra l-għola rata ta’ studenti li ggradwaw minn mindu twaqqfet din l-istess istituzzjoni edukattiva 35 sena ilu.
Fil-fatt, l-ITS qiegħda tiċċelebra numru rekord ta’ 325 gradwat, b’25 persuna, li ħafna minnhom huma diġà familjari fi ħdan l-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità, iggradwaw f’Masters fl-International Hospitality Management li hija offruta f’affiljazzjoni akkademika mal-Emirates Academy of Hospitality Management. Ħafna minn dawn il-gradwati kienu mgħejuna mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu permezz ta’ boroż ta’ studju li kienu offruti matul il-bidu tal-pandemija, sabiex l-industrija tkompli tiġi mħarrġa matul ix-xhur ta’ restrizzjonijiet kontinwi.
Dawn id-dettalji tħabbru fiċ-ċerimonja uffiċjali ta’ gradwazzjoni indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif dan in-numru ta’ gradwati jsaħħaħ l-impenn tal-gvern li jkompli jassisti l- Istitut għall-Istudji Turistiċi bl-aħjar għodod neċessarji. “Is-suċċess preżenti huwa ta’ inkoraġġiment kbir meta nqisu li fi ftit tas-snin oħra, permezz tal-bini ta’ kampus ġdid tal-ITS fi Smart City, se nkunu nistgħu nilqgħu ’l fuq minn 2,500 student, id-doppju tan-numru li għandna bħalissa. Il-kampus il-ġdid ser jiftaħ il-bibien tal- opportunitajiet biex din l-istess istituzzjoni edukattiva tkompli toffri iżjed korsijiet speċjalizzati fuq skala ta’ Baċellerat u Masters fis-snin li ġejjin,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Il-Kap Eżekuttiv Pierre Fenech irrimarka li qiegħda ssir ħidma importanti biex l-ITS tinbidel f’ċentru ta’ eċċellenza u innovazzjoni fit-turiżmu u l-ospitalità, permezz ta’ tagħlim u taħriġ ta’ persunell prospettiv tal- industrija, kif ukoll dawk li diġà jaħdmu fi ħdan l-industrija.