Tuesday, July 28, 2026
Home Internazzjonali “Kieku nista’ ilni li ħadt postha biex hi tkun tista’ tibqa’ tgħix...

“Kieku nista’ ilni li ħadt postha biex hi tkun tista’ tibqa’ tgħix minfloki”

Jazmin Jones, oħt il-vittma ċkejkna li 10 snin ilu nqatlet f’Wales

0
658
Ritratt: Channel 4

Jazmin Jones, Ingliża ta’ 27 sena, oħt April Jones — l-istudenta li nqatlet 10 snin ilu f’Wales — f’intervista għal dokumentarju spjegat l-uġigħ emozzjonali li għadha għaddejja minnu minkejja li għaddew is-snin.

Lura fl-2012, April li kien għad kellha biss ħames snin inħatfet minn Mark Bridger waqt li kienet qed tilgħab ma’ sħabha viċin id-dar tagħha f’Machynlleth. Minkejja t-tfittxijiet li saru, il-katavru taċ-ċkejkna qatt ma nstab.

“Meta sparixxiet oħti kienet qisha spiċċat id-dinja; f’ħakka t’għajn il-familja tagħna ma baqgħetx dik li kienet,” stqarret Jazmin. Hija tkompli tgħid li minkejja li llum il-ġurnata s-sitwazzjoni hija aħjar milli kienet dak iż-żmien, minn dak il-mument li seħħet din id-diżgrazzja, hija spiċċat mingħajr omm ukoll: “Tlift lil oħti u lil ommi f’temp ta’ ftit ħin”. Għaldaqstant, Jazmin tispjega li kellha tikber wisq malajr għaliex minn dak il-mument kellha tibda tfendi għal rasha filwaqt li tieħu ħsieb lil ħuha — li kellu 10 snin dak iż-żmien — u tgħin lil missierha.

Jazmin żvelat ukoll li Bridger kien bagħatilha talba ta’ ħbiberija fuq Facebook qabel ma ħataf lil April. Id-detektivs saħansitra sabu xi ritratti li kellu Bridger taż-żewġ aħwa.

“Nixtieq nemmen li oħti kienet fil-post il-ħażin u fil-ħin il-ħażin … Kieku nista’ ilni li ħadt postha biex hi tkun tista’ tibqa’ tgħix minfloki”.

Wieħed mill-ikbar episodji ta’ qsim il-qalb li ġarrbet Jazmin minn dak il-jum tal-qtil t’oħtha huwa li kellha tibqa’ torqod fl-istess kamra li kienu jorqdu fiha huma t-tnejn meta kienet għadha ħajja April.