L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżvilupp (MDA) tilqa’ l-impenn tal-Prim Ministru Robert Abela li jappoġġja s-settur tal-kostruzzjoni u l-iżvilupp tal-proprjetà u tirrikonoxxi l-kontribut vitali tiegħu għall-ekonomija, l-investiment u l-impjiegi ta’ Malta.
Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li l-industrija trid tkompli timxi ‘l quddiem tibgħat messaġġ pożittiv lill-investituri, lin-negozji u lill-eluf ta’ familji li l-għajxien tagħhom jiddependi mis-settur.
Il-President tal-MDA Michael Stivala stqarr: “Nilqgħu r-rikonoxximent tal-Prim Ministru tal-importanza tal-industrija tagħna. Il-kostruzzjoni u l-iżvilupp tal-proprjetà jibqgħu pilastri essenzjali tal-ekonomija ta’ Malta. Madankollu, l-għan tagħna m’għandux ikun sempliċement li nibnu aktar, iżda li nibnu aħjar.”
L-MDA tappoġġja r-riformi li għaddejjin tal-Gvern biex isaħħaħ l-istandards tal-bini il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi u s-sigurtà pubblika, li l-Assoċjazzjoni appoġġjat diversi minnhom matul is-snin.
L-Assoċjazzjoni tenfasizza wkoll l-importanza li jiġu riformati l-proċeduri tal-ippjanar li titnaqqas il-burokrazija żejda u li jiġu żgurati deċiżjonijiet f’waqthom. Dewmien eċċessiv u spejjeż amministrattivi fl-aħħar mill-aħħar iżidu l-prezzijiet tal-proprjetà, u jaffettwaw lill-familji Maltin.
