Il-Malta Football Association illum sejħet lill-clubs tal-BOV Premier League biex tiddiskuti s-sitwazzjoni attwali b’rabta mal-każijiet tal-Covid-19 li jolqtu d-diviżjoni, wara talba li rċeviet ilbieraħ biex tikkunsidra li tittardja l-bidu mill-ġdid tal-kampjonat b’ġimagħtejn.
Il-clubs ingħataw stampa tal-każijiet attwali kif ukoll fatturi relatati mal-ippjanar tal-kompetizzjoni, materji organizzattivi u mediċi. Intervjena wkoll id-Direttur Mediku tal-Assoċjazzjoni, Dr Kirill Micallef Stafrace.
Kwalunkwe deċiżjoni dwar it-tmexxija tal-kompetizzjonijiet tista’ tittieħed mill-Bord Eżekuttiv tal-MFA, li mistenni jitlaqqa’ fil-jiem li ġejjin. L-Assoċjazzjoni u l-Clubs Membri tagħha laqgħu t-tnaqqis li tħabbar dan l-aħħar fin-numru ta’ jiem ta’ kwarantina għall-persuni li ħadu l-booster tat-tilqim.