Wednesday, October 30, 2024

L-MFA tafferma l-pożizzjoni tagħha kontra l-korruzzjoni

Aqra wkoll

Il-Malta Football Association irreferiet għad-dibattitu waqt is-seduta parlamentari tat-Tlieta li kienet qed tiddiskuti emendi għall-Att dwar il-Governanza u l-Integrità Sportiva.

Matul id-dibattitu, ġie implikat li r-riżultat tal-logħbiet tal-futbol jew kompetizzjonijiet jista’ jkun prevedibbli u nieqes mill-integrità.

Huwa estremament diżappuntanti għall-Assoċjazzjoni li tinnota li d-diskussjoni fl-ogħla istituzzjoni politika hija ridotta għal konġettura u spekulazzjoni meta tiġi diskussa kwistjoni ta’ daqshekk importanza għall-isport in ġenerali. Tant nies jiddedikaw ħin, sforz, u riżorsi kuljum biex jikkontribwixxu lejn il-logħba.

Uħud mill-allegazzjonijiet rrappurtati huma xejn anqas ta’ daqqa ta’ ħarta fil-wiċċ għal dawk l-atleti kollha, voluntiera, u fuq kollox partitarji.

Fil-kuntest tad-diskussjoni li għaddejja dwar l-emendi fl-Att dwar il-Governanza u l-Integrità Sportiva, il-Malta FA tibqa’ soda fl-impenn tagħha li żżomm l-integrità u tiġġieled il-korruzzjoni fil-futbol.

Din ir-riżoluzzjoni hija sostnuta minn azzjoni mhux biss kliem peress li l-Assoċjazzjoni kienet minn ta’ quddiem fl-isforzi biex jissaħħu l-għodod leġiżlattivi fil-forma ta’ pieni aktar ħorox għal reati kriminali relatati ma’ match-fixing u mġieba kontra l-isport.

Imwaqqfa mill-Malta FA lura fl-2015, it-Task Force Kontra l-Korruzzjoni, li ġabret flimkien il-partijiet interessati kollha inklużi l-politiċi, kellha rwol ewlieni fil-proċess li eventwalment wassal għall-promulgazzjoni tal-Att dwar il-Governanza u l-Integrità tal-Isport imsemmi hawn fuq.

Barra minn hekk, kontrolli ta’ governanza tajba, etika, u integrità kienu wkoll ċentrali għar-riformi estensivi li wettqet il-Malta FA f’dawn l-aħħar snin bħala parti mill-istrateġija tal-Assoċjazzjoni.

Filwaqt li l-Malta FA tilqa’ kull diskussjoni kostruttiva dwar kwistjonijiet ta’ integrità fl-isport Malti u proposti biex jissaħħu l-għodod fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-Assoċjazzjoni titlob lill-partijiet kollha involuti biex joqogħdu attenti biex ma jiġġenerawx spekulazzjoni bla bażi, li tħammeġ l-immaġni tal-futbol lokali fil-proċess. .

Barra minn hekk, tfakkar fil-fatt li hemm dmir li tiġi rrapportata kull informazzjoni jew evidenza dwar match-fixing jew kull forma oħra ta’ korruzzjoni fl-isport Malti.

Waqt li tafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tagħna ta’ tolleranza żero kontra l-korruzzjoni fl-isport, il-Malta FA tinnota li spekulazzjoni bħal din bilkemm tagħmel ġustizzja mal-isforzi tal-amministraturi tal-futbol li jiddedikaw il-ħin u l-enerġija tagħhom, l-aktar b’mod volontarju, biex jaqdu l-klabbs u l-komunitajiet tagħhom.

Sport