Tuesday, December 24, 2024

L-MPE Alex Agius Saliba nnominat għal premju ta’ ‘Youth Champion of the Mandate’

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba ġie nnominat għal premju ta’ ‘Youth Champion of the Mandate’ mir-rivista prestiġjuża Parliament Magazine b’apprezzament għax-xogħol siewi li wettaq matul dawn l-aħħar ħames snin sabiex itejjeb il-qagħda taż-żgħażagħ.  

Alex Agius Saliba kien l-uniku MPE Malti nnominat għal premju din is-sena, u kien l-uniku MPE Malti li ġie nnominat f’kull waħda mill-erba’ edizzjonijiet ta’ matul din il-leġislatura.  Huwa kien ġie nnominat għal premju ta’ l-aħjar MEP fl-oqsma tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur (2020), saħħa u benessri (2022) u strateġija diġitali u s-suq komuni (2023).  

F’kummenti li ta lil Talk News, Agius Saliba qal li huwa ta’ unur għalih li għar-raba’ sena konsekuttiva qed ikun rikonoxxut bħala wieħed mill-aqwa MEPs min The Parliament Magazine. Huwa sostna li dan ikompli jimlih b’aktar kuraġġ li jservi lil pajjiżu u fuq kollox liċ-ċittadini Ewropej biex ikollhom ħajja aħjar. Tenna li jinsab kommess li dan ix-xogħol ikomplih matul il-leġiżlatura li jmiss.

Fl-età żagħżugħa ta’ 36 sena, l-MPE Laburista ġie elett bħala Viċi-President tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fl-ewwel leġislatura tiegħu fil-Parlament Ewropew.  Matul din il-leġislatura huwa kellu wkoll rwol strumentali fid-dħul ta’ bosta liġijiet importanti.

Alex Agius Saliba huwa magħruf l-iżjed għall-kampanja tiegħu sabiex jiġi adottat ċarġer wieħed għall-istrumenti diġitali kollha minkejja l-oppożizzjoni ta’ ġganti fis-suq fosthom il-kumpanija Apple.  

Fi kliem l-opinjonista tal-Wall Street Journalist, Ben Cohen, “Alex Agius Saliba) ħadha kontra l-iktar kumpanija sinjura fid-dinja – u rebaħ”.  Matul din il-leġislatura Alex Agius Saliba ġie vvutat ukoll il-35 l-iżjed MPE influwenti u kien inkluż mal-lista ta’ l-iżjed 20 MPE li għandhom jiġu segwiti minn rivista prestiġjuża oħra, Politico.

Fil-ġimgħat li għaddew, ix-xogħol ta’ Alex Agius Saliba f’kampanja oħra sabiex jiġu mtejba id-drittijiet tal-ħaddiema ħalliet il-frott hekk kif il-Kummissjoni Ewropea rrikonixxiet ix-xogħol tal-MPE Laburista u bdiet il-proċess sabiex timplimenta l-proposta permezz ta’ direttiva.  

Id-direttiva fuq l-hekk imsejjaħ Right to Disconnect se tiżgura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jirrifjutaw li jwieġbu messaġġi relatati max-xogħol fil-ħin liberu tagħhom mingħajr il-biżgħa li jsofru minn diskriminazzjoni jew konsegwenzi negattivi oħra.

Lokalment, l-MPE Agius Saliba huwa magħruf għal ħidma tiegħu favur persuni vulnerabbli u għal protezzjoni tat-tradizzjonijiet Maltin.  Fi kliem l-MPE Laburista “F’Ottubru li għadda tlabt lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinvestiga jekk kumpaniji fis-settur tal-ikel li jgawdu minn monopolji de-facto humiex qed jabbużaw il-pożizzjoni tagħhom billi jgħollu l-prezzijiet iżjed mir-rata tal-inflazzjoni.

Ġejt ikkritikat minn bosta, speċjalment mill-Partit Nazzjonalista.  Ftit xhur wara bosta mportaturi għarfu l-ħtieġa li tittieħed azzjoni u ingħaqdu f’inizjattiva tal-Gvern Laburista sabiex il-prezzijiet jiġu mnaqqsa bi 15% u jinżammu fissi għad-disa’ xhur li ġejjin.”  

Ekonomija

Sport