Wednesday, July 24, 2024

Ebda intenzjoni li jsir rilokar jew jitraqqdu qtates li jgħixu fil-Cat Cafe

Aqra wkoll

It-tmexxija ta’ San Vinċenz de Paul tilqa’ d-deċiżjoni tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u sserraħ moħħ il-pubbliku li ma hemm ebda intenzjoni li jsir rilokar jew li jitraqqdu l-qtates li jgħixu fil-Cat Cafe’ f’San Vinċenz de Paul.

Kuntrarjament ta’ dak li ġie allegat fil-midja soċali fil-ġranet li għaddew mill-amministraturi preċedenti, il-qtates qed jingħataw il-kura kollha meħtieġa bl-aqwa mod possibbli.

Bħalissa għaddej xogħol intensiv fuq il-post biex fil-ġimgħat li ġejjin, il-qtates ikollhom abitazzjoni mill-aqwa. Permezz ta’ ftehim ma’ veterinarju, inbeda proċess fejn il-qtates kollha qed jiġu mlaqqmin, iċċipjati kif ukoll jingħataw il-kura u l-medikazzjoni meħtieġa. Dan b’nefqa medja ta’ bejn 120 u 130 ewro għal kull qattus. Inxtara ammont kbir ta’ ikel, fosthom ikel gastro-intestinali għal qtates bi bżonnijiet partikolari, kif ukoll ammont ta’ ‘bedding’. Saru anke donazzjonijiet ta’ ikel għall-qtates minn għaqdiet volontarji, kumpaniji u individwi.

Bħalissa għaddej xogħol ta’ manutenzjoni tal-kmamar u qed isir tindif kuljum minn ħaddiema ta’ San Vinċenz kif ukoll minn persuni li qed jassistu volontarjament. Fil-ġimgħat li ġejjin qed nippjanaw biex jsir xogħol fuq is-soqfa u nagħmluhom iżjed adegwati u siguri.

Meta x-xogħlijiet jitlestew, il-Cat Cafe’ se jkun qed jagħmel parti mill-proġett ta’ razzett terapewtiku bl-annimali, li se jkun qed jgħin b’mod terapewtiku għall-anzjani residenti kif ukoll se jkun miftuħ għall-pubbliku ġenerali.

Ekonomija

Sport