Saturday, December 21, 2024

L-MPE Josianne Cutajar issejjaħ għall-politika konġunta tal-gżejjer Ewropej

Aqra wkoll

Fil-ġimgħa għar-reġjuni u l-ibliet fl-Ewropa, il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar sejħet lill-gżejjer fl-Unjoni Ewropea biex jingħaqdu u jfasslu flimkien is-soluzzjonijiet għall-isfidi komuni bejniethom.

F’konferenza dwar l-isfidi li jaffaċjaw il-gżejjer żgħar fil-Meditteran, fosthom Għawdex, l-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar saħqet li sfortunatament il-vuċi ta’ dawn il-gżejjer għadha mhix b’saħħitha kif mixtieq.

Bħala Membru Parlamentari Ewropew li ġejja mill-gżira Għawdxija, Dr. Cutajar qalet li hi tifhem sew din is-sitwazzjoni, hekk kif Għawdex jesperjenza insularità doppja – ħaġa li dejjem illimitat l-aċċesibilità u l-konnettività għar-residenti Għawdxin.

Fil-konferenza li fiha pparteċipaw diversi rappreżentanti oħra ta’ gżejjer Mediterranji, fosthom il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, Cutajar qalet li l-pandemija wriet biċ-ċar ukoll il-problema tal-insularita’, partikolarment fejn jidħol l-aċċess għall-kura u l-mediċina u anke b’rabta mas-settur turistiku.

Fl-intervent tagħha l-Ewroparlamentari Għawdxija saħqet fuq tliet aspetti li fi kliemha jeħtieġ li jingħataw attenzjoni għall-irkupru mill-pandemija.

Dwar in-negozji żgħar u medji, Cutajar qalet li dan is-settur kien wieħed mill-aktar oqsma li ntlaqat b’mod negattiv mill-pandemija, partikolarment dawk in-negozji tal-ospitalità u dawk li kienu jiddependu mit-turiżmu. “In-negozji żgħar u medji jiffurmaw  l-ekonomija tagħna u għalhekk l-importanza li ngħinuhom u nkunu ta’ spalla għalihom f’dawn iż-żminijiet ta’ rkupru,” saqħet Cutajar.

Dr Cutajar fissret kemm gżejjer fil-Mediterran għandhom x’jibbenefikaw minn titjib ambjentali tant li poġġiet għad-diskussjoni l-potenzjal tal-gżejjer bħala “laboratorju għas-sostenibbilita.” L-Ewroparlamentari nnutat ukoll bi pjaċir il-ħidma tal-Parlament Ewropew li qed joffri soluzzjonijiet biex isaħħaħ is-sostenibbilita f’dawn il-gżejjer.

Fil-konferenza hija enfasizzat il-ħtieġa ta’ turiżmu sostennibli, ħaġa li Cutajar flimkien mal-bqija tat-Task Force għat-turiżmu fil-Parlament Ewropew talbu li jkun prijorità fil-baġit Ewropew għas-snin li ġejjin.

Fl-aħħarnett Cutajar għamlet referenza għal aspett kruċjali, dak tal-konnettività. Aspett li fi Cutajar tqis fundamentali għal-livell tal-għajxien tal-abitanti ta’ gżira. Għalhekk is-sejħa tagħha għal infrastruttura fiżika moderna u affidabbli li tassigura aċċessibbiltà lir-residenti u soluzzjonijiet loġistiċi aħjar għan-negozji fi gżejjer.

Ma’ infrastruttura moderna u affidabbli, qalet Cutajar, il-gżejjer jistgħu jagħmlu l-qabża fil-konnettività b’investiment diġitali li jieħu post l-ostakli, u jattira l-attività ekonomika.

“Nemmen bis-sħiħ li b’qabża fil-kapaċità diġitali, gżejjer bħal tagħna jkattru l-opportunitajiet mingħajr ma jibqgħu jiddependu ż-żejjed mit-turiżmu tal-massa,” qalet Josianne Cutajar. 

Ekonomija

Sport