Friday, December 13, 2024

L-MPE Laburista Alex Agius Saliba jwassal għall-waqfien tal-ewwel Intergroup dwar is-saħħa mentali fil-PE

Aqra wkoll

L-MPE Laburista Alex Agius Saliba kiseb kunsens wiesgħa sabiex imexxi b’mod konġunt l-ewwel Intergroup dwar is-saħħa mentali fil-Parlament Ewropew.  Din l-inizzjattiva storika se twassal sabiex tingħata iżjed importanza lill-politika relatata mas-saħħa mentali u ssaħħaħ il-vuċi ta’ persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali. 

Din hija l-ewwel darba li l-Parlament Ewropew waqqaf Intergroup dedikat għas-saħħa mentali, u b’hekk se jkun f’qagħda aħjar li jwieġeb għad-domanda dejjem tikber sabiex is-saħħa mentali tkun fattur ewlieni fit-tfassil tal-policies kollha. Din l-inizjattiva ġiet imressqa fid-dawl ta’ sfidi dejjem jiżdiedu f’dan il-qasam, speċjalment l-impatt fit-tul tal-pandemija COVID-19, il-kriżi tal-għoli tal-ħajja u l-istress għal raġunijiet soċjo-ekonomiċi.  Dawn il-fatturi jkomplu jsaħħu l-ħtieġa għal policies dwar is-saħħa mentali robusti u inklussivi madwar l-Unjoni Ewropea.

L-MPE Alex Agius Saliba mexxa din l-inizjattiva bl-appoġġ tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi kif ukoll ta’ MPE minn gruppi politiċi oħra.  L-intergroup iservi ta’ pjattaforma sabiex jitkattar id-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn il-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew, u b’hekk iwassal għat-tħaddin ta’ policies ta’ promozzjoni, prevenzjoni u rkupru tas-saħħa mentali. 

“Din l-inizjattiva tirrapreżenta pass kruċjali ‘l quddiem sabiex nindirizzaw b’mod urġenti l-ħtieġa taċ-ċittadini tagħna fil-qasam tas-saħħa mentali.”  Dawn kienu l-kliem tal-MPE Laburista wara l-waqfien tal-Intergroup.  “Din id-deċiżjoni tirrifletti l-impenn kollettiv tagħna sabiex nagħtu l-istess prijorità lis-saħħa mentali u s-saħħa fiżika u sabiex niżguraw li tiġi mismugħa l-vuċi ta’ kulħadd, speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.”

L-Intergroup se jaħdem ukoll sabiex tiġi miġġielda l-istigma, tingħata promozzjoni għall-għarfien dwar dan il-qasam u jiġu ndirizzati nuqqasijiet strutturali fis-sistemi tas-saħħa.  L-Integroup se jmexxi ‘l quddiem miżuri li jħallu mpatt fuq tul ta’ żmien, inkluż permezz ta’ titjib tad-Direttiva dwar is-Saħħa u s-Sigurta sabiex jiġi żgurat li l-postijiet tax-xogħol ikunu “mental health-friendly”.  Ħidma oħra tal-Intergroup se tkun li tiżgura li l-budget tal-Unjoni Ewropea għal dan il-għan ikun adekwat. 

“Nistieden MPE mill-gruppi politiċi kollha sabiex jingħaqdu għal din il-kawża importanti” saħaq Agius Saliba.  “L-isfidi ta’ saħħa mentali jmissu l-irkejjen kollha tas-soċjetajiet tagħna, u l-isforzi kollettivi tagħna jistgħu jwasslu għal titjib notevoli.”

L-Intergroup dwar is-Saħħa Mentali se jiltaqa regolarment sabiex jiddiskuti policies varji, inkluż il-promozzjoni t’ambjent tax-xogħol san għas-saħħa mentali, l-impatt tad-diġitalizzazzjoni għas-saħħa mentali, u aċċess ugwali għall-għajnuna.  L-intergroup se jimmira wkoll sabiex tiġi dedikata ‘Sena Ewropea għas-Saħħa Mentali’ u se jikkontribwixxi fit-twaqqif ta’ strateġija ta’ kura inklussiva.

Bl-appoġġ ta’ diversi stakeholders u s-soċjeta ċivili, l-Intergroup se jiżgura li s-saħħa mentali tingħata prijorità ċentrali fil-politika tal-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport