Wednesday, April 24, 2024

L-MUT tagħti ultimatum lill-gvern … titlob għal miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi stqarrija maħruġa minna L-MUT qalet li qed tkompli tosserva s-sitwazzjoni tal-pandemija fid-dawl tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel bid-dħul tal-istudenti li qiegħed iseħħ f’dawn il-jiem. Il-union tinsab imħassba ferm dwar in-numru ta’ każi pożittivi li qed ikunu rrappurtati kuljum. Fl-istess stqarrija l-union qalet li n-numru ta’ każi pożittivi f’pajjiżna “huwa kbir” u dan, flimkien mar-rata tat-trasmissjoni fil-komunità, ser iħalli mpatt fuq l-iskejjel. L-MUT kompliet tgħid li kif kien mistenni, diġà kien hemm każi pożittivi fl-iskejjel u li din is-sitwazzjoni ma tawgurax tajjeb. Wieħed ma jistax jeskludi l-fatt li fi ftit jiem jista’ jkollna skejjel li ma jkollhomx edukaturi biżżejjed biex jagħtu servizz minħabba ċirkustanzi ta’ leave tal-kwarantina jew tal-mard.

L-MUT tisħaq li hi r-responsabbiltà tal-Gvern li jara li l-iskejjel li fetaħ ikollhom il-miżuri kollha tas-saħħa u s-sigurtà. Il-ftuħ tal-iskejjel jeħtieġ miżuri ta’ rażan u ta’ infurzar. L-isforzi kollha tal-edukaturi, li qed jimplimentaw protokolli tas-saħħa riġidi fl-iskejjel, ser jisfumaw fix-xejn meta l-istudenti jkunu barra mill-iskejjel. Huwa magħruf li l-miżuri meħudin mill-gvern, bħal dawk tad-distanza soċjali, mhux qed jiġu infurzati kullimkien. Dan filwaqt li l-miżuri l-oħra, li għandhom l-għan li jrażżnu t-tixrid tal-virus, huma ftit wisq. 

Fid-dawl ta’ dan, l-MUT qed terġa’ tappella lill-Gvern sabiex jibgħat messaġġi ċari, jieħu miżuri ġodda li jrażżnu t-tixrid tal-virus filwaqt li jżid iI-miżuri tal-infurzar. L-MUT qiegħdha tagħti ultimatum lill-Gvern sa nhar il-Ħamis 15 ta’ Ottubru sabiex jieħu l-miżuri mitluba. Sadanittant l-MUT ser tkun qed tħabbar sett ta’ direttivi li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi.

Sport