Saturday, December 28, 2024

L-Olanda f’lockdown fost tħassib dwar il-varjant Omicron

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bosta pajjiżi madwar l-Ewropa bdew iħabbru numru ta’ restrizzjonijiet fost tħassib dwar il-varjant tal-Omicron.

Fost l-oħrajn fl-aħħar sigħat l-Olanda bdiet lockdown strett matul il-perjodu tal-Milied, bil-Prim Ministru Mark Rutte jgħid li l-miżuri kienu “inevitabbli”.

Ħwienet mhux essenzjali, bars, gyms, ħwienet tax-xagħar u postijiet pubbliċi oħra huma magħluqa mill-inqas sal-14 ta’ Jannar. 

Taħt ir-restrizzjonijiet il-ġodda, in-nies qed jiġu mħeġġa biex jibqgħu d-dar kemm jista’ jkun.

Apparti minn hekk, hemm limitu fuq in-numru ta’ nies li jistgħu jiltaqgħu. Massimu ta’ żewġ mistednin, minn 13-il sena ‘l fuq, huma permessi fid-djar tan-nies. Dan se jitla’ għal erba’ persuni bejn l-24 u s-26 ta’ Diċembru, u lejlet l-Ewwel tas-Sena u l-Ewwel tas-Sena.

Mhumiex permessi avvenimenti għajr funerali, swieq ta’ kull ġimgħa li jbiegħu prodotti tal-merċa u logħob sportiv professjonali mingħajr spettaturi.

Sadanittant l-iskejjel kollha issa huma magħluqa sa mill-inqas id-9 ta’ Jannar.

Aktar minn 85% tal-adulti kollha fl-Olanda tlaqqmu, iżda s’issa inqas minn 9% ħadu l-booster.

Diversi pajjiżi Ewropej oħra ħabbru wkoll miżuri maħsuba biex jitrażżnu l-infezzjonijiet.

Franza imponiet restrizzjonijiet stretti tal-ivvjaġġar fuq dawk li jidħlu mir-Renju Unit – l-iktar pajjiż milqut fir-reġjun, bi kważi 25,000 każ tal-Omicron ikkonfermat is-Sibt.

Ekonomija

Sport