Wednesday, January 29, 2025

L-OLOKAWST … L-AGĦAR ĠENOĊIDJU TAL-UMANITÀ

Aqra wkoll

Il-bniedem, sa minn għexieren ta’ snin ilu evolva intelletwalment sa anki sar l-iktar esseru intelliġenti fid-dinja tant li fl-intelliġenza tiegħu saħansitra rnexxielu jiskopri ħwejjeġ u ġrajjiet li jmorru lura sekli sħaħ fiż-żmien.

Il-bniedem irnexxielu wkoll jasal sal-qamar u issa qed jaħseb ukoll kif jista’ jtir lejn dinjiet oħra fl-immensità tal-univers. Skopra u avvanza teknoloġiji li tejbu u tawlu l-ħajja tan-nies u llum ħafna avvanzi xjentifiċi wasslu biex il-mediċina tagħmnel il-mirakli. 

Minkejja dawn l-avvanzi tal-meravilja, il-bniedem iżda għad ma rnexxilux jegħleb il-mikrobu tal-mibegħda u vjolenza, bħal donnu li dawn l-atroċitajiet huma ggranfati fid-DNA ta’ setturi tas-soċjetà. 

F’dan il-kuntest, ilbieraħ 27 ta’ Jannar, tfakkar it-80 anniversarju minn meta truppi Russi tal-armata l-ħamra lliberaw il-Kamp tal-Konċentrament, jew aħjar il-Kamp tal-mewt ta’ Aushwitz (Birkenau), li fih inqatlu madwar 1.1 miljuni ta’ priġunieri Lhud, li kienu trasferiti minn diversi pajjiżi Ewropej. 

It-tfakkira tiegħu minbarra li tafferma mill-ġdid impenn li l-Olokawst se jibqa’ jkun għal dejjem twissija għan-nies kollha dwar il-perikli li jinbtu mill-mibegħda, bigottiżmu, razziżmu u preġudizzju iġġedded ukoll il-wegħda li mhux se jitħalla ġenoċidju ieħor jerġa’ jseħħ.

F’dan il-jum ukoll, il-Kunsill tal-Ewropa tenna li l-ġenerazzjoni tagħna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin għandhom ir-responsabbiltà li jgħaddu t-tifkira tal-vittmi ta’ din it-traġedja enormi. Il-qtil sistematiku ta’ sitt miljun Lhudi Ewropew min-nażisti u l-ħajjiet mitlufa ta’ għadd kbir ta’ vittmi oħra soġġetti għall-barbariżmu tal-Olokawst qatt ma jistgħu jintesew. Lanqas ma tista’ tiġi aċċettata ċaħda jew distorsjoni tal-Olokawst.

Għal ħafna minna llum, dawn in-numri jistgħu jkunu diffiċli biex jinftiehmu, iżda quddiem l-iskala kbira tal-orrur, hemm il-periklu li nitilfu s-sofferenza umana tal-vittmi individwali.

Għalhekk, f’dan il-jum il-komunità internazzjonali għandha ttenni li lesta tagħmel minn kollox biex qtil tal-massa aktar ma jkunx hemm. Dan isir biss jekk id-dinja ssir aktar ħanina biex l-umanità ma terġax tgħaddi minn ċirkostanzi li jwasslu għall-qerda tagħha stess.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport