Sunday, November 15, 2026
Home Fehmietna COP31: Il-futur tal-pjaneta jinsab f’idejna… ma nistgħux nibqgħu inparlaw biss

COP31: Il-futur tal-pjaneta jinsab f’idejna… ma nistgħux nibqgħu inparlaw biss

0
22

Proprju ftit tal-jiem ilu bdiet tiltaqa’ il-COP 31 – il-konferenza dwar il-bidla fil-klima. Konferenza li qiegħda tiltaqa’ fi żmien fejn ir-riżultati mhumiex dawk mixtieqa. Dan minkejja konferenza wara oħra jisħqu fuq il-bżonn imminenti li tiġi trattata il-bidla fil-klima. Illum għandna sitwazzjoni fejn it-tisħin tad-dinja qed ikompli jiggrava. L-istudji li saru juru li l-pjaneta qed tkompli tisħon b’rata inkwetanti. Skont l-Organizzazzjoni Dinjija Meteoroloġika (WMO), ir-rapport ippubblikat fid-9 ta’ Novembru 2026 juri li l-aħħar 12-il sena kienu l-aktar sħan li qatt ġew irreġistrati. Apparti dan is-sena 2026 mistennija tkun fost l-erba’ snin l-aktar sħan li qatt ġew irreġistrati. It-temperatura globali bejn Jannar u Settembru tas-sena 2026 kienet madwar 1.47°C ogħla mil-livelli ta’ qabel l-era industrijali. Ma’ dan imbagħad hemm il-fatt li l-livell tal-baħar u s-sħana fl-oċeani laħqu livelli rekord. 

Dan kollu għandu konsegwenzi. Dawn l-istess konsegwenzi b’mod jew b’ieħor qegħdin nesperjenzawhom. Fis-sajf nesperjenzawhom b’temperaturi għoljin jew nirien, waqt li fix-xitwa nesperjenzawhoml minn maltempati qliel u għargħar. 

Din il-konferenza qiegħda ssir wara oħrajn li saru fis-snin ta’ qabel. Konferenzi li fihom ma’ naqsux l-argumenti. Ma naqsux il-miri u l-objettivi. Minkejja dan, id-dinja baqgħet tisħon, bl-effetti kollha li dan qiegħed iġib miegħu.

U minkejja dawn id-diżastri naturali u minkejja l-appelli biex ikun hemm kontroll fuq il-‘fossil fuels’, ir-realtà hi li kumpaniji multinazzjonali taż-żejt qegħdin jagħmlu profitti enormi. Kumpaniji bħal Aramco, ExxonMobil u Shell jiġġeneraw dħul u profitti kbar mill-produzzjoni u l-bejgħ taż-żejt u l-gass. Fild-bidu tal-konferenza COP 31 sar magħruf li disa’ kumpaniji ewlenin taż-żejt għamlu madwar $95 biljun dollaru fi profitti fi tliet xhur biss.

Wieħed ma jistax ma jistaqsix kif, waqt li d-dinja qed tiffaċċja kriżi klimatika dejjem tikber, il-kumpaniji multinazzjonali taż-żejt qed ikomplu jagħmlu profitti enormi. Huwa paradoss li dawn il-kumpaniji jkomplu jaqilgħu biljuni ta’ dollari mill-‘fossil fuels’ filwaqt li l-pjaneta qed tbati l-konsegwenzi tat-tniġġis u tat-tisħin globali. M’hemm ebda dubju li l-bidla fil-klima hija waħda mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja d-dinja llum. Rajna s-sajf li għadda kif ammont kbir ta’ nies kellhom jabbandunaw djarhom fi Franza minħabba nirien qawwija. Iż-żieda fit-temperaturi, nirien fil-foresti, nixfiet u għargħar huma biss ftit mill-konsegwenzi li qed jolqtu lil diversi pajjiżi. 

Quddiem din il-konferenza, ma tistax ma tistaqsix kemm dawn il-konferenzi qegħdin tassew iwasslu għall-bidla. Mhux biżżejjed li l-mexxejja jagħmlu diskorsi sbieħ u jwiegħdu futur aħjar.  Dawn ilna nisimgħuhom sena fuq sena. Magħhom ħafna wegħdi. Imma r-riżultat finali għadu ma wasalx, għax id-dinja qed tkompli tisħon.

Nemmnu li dak li hemm bżonn huma azzjonijiet konkreti u deċiżjonijiet li jiġu implimentati minnufih. Il-pjaneta tagħna ma tistax tistenna aktar.

Barra minn hekk, ir-responsabbiltà mhix biss tal-gvernijiet. Kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti sehmu. Ma nistgħux noqogħdu nħarsu biss lejn il-gvernijiet. Irridu nagħmlu l-parti tagħna. Dan billi jnaqqsu l-użu tal-plastik, niffranka l-ilma u l-elettriku, innaqqsu it-trasport bil-karozza u nużaw aktar it-trasport pubbliku fost oħrajn. Anki azzjonijiet żgħar jistgħu jagħmlu differenza kbira meta kulħadd jingħaqad fl-istess għan.

Għalhekk, il-COP31 għandha tkun aktar minn sempliċi laqgħa internazzjonali. Għandha tkun opportunità biex il-pajjiżi jaħdmu flimkien u juru li huma tassew impenjati li jipproteġu d-dinja. Il-futur tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin jiddependi mill-għażliet li nagħmlu llum. Wasal iż-żmien li l-gvernijiet jieqfu jitkellmu biss u nibdew jaġixxu!

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here