55 sena ilu: Minkejja d-dejn u d-diffikultajiet finanzjarji, Mintoff ħabbar żidiet għall-aktar nies batuti

Aqra wkoll

Kien ħamsa u ħamsin sena ilu, fis-sena 1971, meta l-Prim Ministru Dom Mintoff f’xandira lin-nazzjon kien ħabbar li kien se jkun hemm l-akbar żieda li qatt ingħataw fil-benefiċċji kollha taħt in-National Assistance  (jew aħjar Relief) u għal dawk taħt in-National Insurance. Kien ħabbar li dawn iż-żidiet lill-iktar nies batuti tas-soċjetà Maltija se jingħataw fl-isfond ta’ l-isforzi kbar mill-Gvern f’dawn l-aħħar tliet xhur u kontra l-periklu ta’ telf ta’ £15-il miljun, wirt ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista

Il-Prim Ministru Mintoff kien iddikjara li l-Gvern Laburista  se jkompli bil-qawwa kollha l-gwerra tiegħu kontra d-dejn, il-korruzzjoni, l-għażż, il-faqar u l-miżerja li hawn fil-pajjiż. 

Il-Prim Ministru Mintoff kien qal hekk:  “x’sab il-Gvern Laburista malli dħalna għax-xogħol daqs tliet xhur ilu? Id-dejn nazzjonali kien ‘lfuq minn Lm40 miljun.  L-imgħax kien qiegħed jiekol parti sostanzjali mid-dħul tat-taxxi. Waqt li għall-miljuni li ġew mislufin mill-Ingilterra kien hemm ‘sinking fund’, jiġifieri  kull sena kienu jitġoġġew flus apparti biex meta jagħlaq iż-żmien id-dejn ikun jista’ jitħallas, għal-miljuni li ġew mislufin mill-Maltin lill-Gvern Malti, ma kien hemm l-ebda ‘sinking fund’. 

Kompla jgħid li “n-numru ta’ ħaddiem mal-Gvern, bin-nuqqas ta’ serjetà u bl-għażż li kienu jirrenjaw fost ħafna minnhom, dan in-numru li diġa kien jilħaq għoxrin elf, fil-ftit xhur ta’ qabel l-elezzjoni żdied b’seba’ mija oħra.”

Itenni li “t-tarzna kienet vojta u kienet ilha wieqfa aktar minn sitt xhur. Barra d-dejn u l-imgħax li kienu qegħdin jikluna, sibna li l-flus li jiġġemmgħu mill-ħaddiema, minn min iħaddem, mill-Gvern u miċ-ċittadini kollha biex jagħmlu tajjeb għall-benefiċċji waqt il-mard, il-qgħad, u x-xjuħija, jiġifieiri in-National Insurance Fund, mhux biss ittieklu u ttieħdu kollha, iżda l-gvern ried jiffaċċja d-deċiżjoni li jew ma jagħtix aktar pensjonijiet u benefiċċji oħra lil dawk li diġa jkunu ħallsu l-bolol, jew jagħmel tajjeb minn taxxi oħra u ġodda jew jgħabbi l-pajjiż b’aktar dejn  għax sa l-ewwel ta’ April tas-sena li ġejja, id-deficits, in-nuqqas f’dan il-fund se jilħaq aktar minn Lm1.6 miljun.”

Kien qal li “għal tliet xhur sħaħ, waħidna, bl-istampa Ingliża kollha kontra tagħna, magħfusin minn kullimkien b’kaxxa vojta b’mod illi wasal fi żminijiet fejn ma kienx hemm flus biex inħallsu l-pagi lill-ħaddiema, għal tliet xhur sħaħ ikkumbattejna kontra l-għawġ kollu li ħallewlna ma’ wiċċna ta’ qabilna.  F’dawn iż-żminijiet allaħares ma kinux il-ħbieb tagħna fil-Libja, li mingħajr kundizzjonijiet ta’ xejn ġew għall-għajnuna tagħna u  qalulna “dawn  biex iservukom għalissa – ‘lquddiem jekk ikollkom bżonn aktar għidulna u ssibuna magħkom”. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport