Sunday, November 15, 2026
Home Internazzjonali Ir-Russja tiftaħ il-bieb għall-UE fin-negozjati

Ir-Russja tiftaħ il-bieb għall-UE fin-negozjati

0
35

Dik li qiegħda titqies bħala ‘mossa’ minn naħa Russa, qiegħda tagħti tamiet ġodda li finalment il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna li ilu għaddew ħames snin, jasal biex jintemm. Wieħed mill-akbar ostakoli hu l-art fil-lvant, li fiha jgħixu ammont kbir ta’ ċittadini Russi u li parti minnha intrebħet mir-Russi fl-ewwel xhur tal-gwerra. Ir-Russja jidher li mhi lesta ċċedi xejn dwar dawn l-artijiet u l-preżenza tan-NATO fl-Ukrajna. 

Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li baqgħet l-istess il-pożizzjoni Russa  dwar territorju mirbuħ, l-involviment tan-NATO fir-reġjun u l-garanziji ta’ sigurtà li qed titlob l-Ukrajna biex tevita invażjoni oħra fil-futur”.  Għalkemm l-involviment tal-Ewropa jneħħi ostaklu wieħed min-negozjati, ftit hemm indikazzjonijiet li r-Russja naqqset it-talbiet tagħha dwar it-territorji Ukreni, l-involviment tan-NATO fir-reġjun jew il-garanziji ta’ sigurtà li qed titlob Kyiv biex tevita invażjoni oħra fil-futur.

L-istess sorsi qalulna li “l-preżenza ta’ uffiċjali tal-Unjoni Ewropea se tqajjem kwisjonijiet ġodda, dik ta’ truppi Ewropej fuq art Ukrena. Din hi xi ħaġa li r-Russja qiegħda tqis bħala inaċċettabbli u m’hemm ebda dubju li se titqajjem fit-taħdidiet li se jsiru”.

Minn naħa l-oħra l-Ukrajna, jidher li lesta ‘ċċedi ammonti ta’ territorju’. Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li l-mossa Russa hi ċara ħafna – dik li jekk ikun hemm ftehim dwar konċessjonijiet ta’ artijiet li  kienu tal-Ukrajna u li jgħaddu għand ir-Russja, dan għandu jkun mhux biss b’taħdidiet li fihom hemm l-Istati Uniti imma anke l-Unoni Ewropea – dik li ilha snin tagħti flejjes u armamenti biex l-istess Ukrajna ittawwal il-gwerra. L-istess sorsi qalulna li “l-indikazzjoni huma ċari ħafna li r-Russja llum tqis dan it-territorju tagħha u mhux se ċċedih”.

L-istess sorsi qalulna li “fl-aħħar sigħat smajna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qishom ħarġu idoqqu vittorja għax se jieħdu sehem fit-taħdidiet. Se jieħdu sehem fihom, għax ir-Russja aċċettat. Oriġinarjament ir-Russja kienet qiegħda topponi. U ilha topponi. Dan għamlitu għax l-Unjoni Ewropea flok fittxet il-paċi għamlet snin tforni armi u flus lill-Ukrajna. Armi li bihom inqatlu in-nies u saru ħsarat kbar fl-infrastruttura Russa. Issa hemm qbil li jidħlu f’negozjati, imma dan qiegħed isir għax ir-Russja bidlet il-pożizzjoni tagħha”.

Filfatt sar magħruf fl-aħħar sigħat li uffiċjali Ewropej se jipparteċipaw fir-rawnd li jmiss ta’ taħditiet immexxija mill-Istati Uniti bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Dan bil-għan li jintlaħaq ftehim biex tintemm il-gwerra  u dan jista’ jkun sinjal ta’ progress, iżda fl-istess ħin qajjem tħassib dwar il-possibbiltà li n-negozjati jerġgħu jaslu fi stat ta’ staġnar.

Hu ċar issa li r-Russja aċċettat il-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea fid-diskussjonijiet. Madankollu, għad hemm dubji dwar jekk din il-konċessjoni hix se testendi lil hinn mill-proċess tan-negozjati u tgħin biex jingħelbu l-ostakli li s’issa żammew milli jintlaħaq ftehim ta’ paċi.

Li kienet ir-Russja li qablet li l-Unjoni Ewropea tieħu sehem, ikkonfermawha ukoll ir-rappreżentanti tal-Istati Uniti,  Steve Witkoff u Jared Kushner. Huma ddeskrivew dan bħala sinjal ta’ progress fin-negozjati, li s’issa ftit taw tama li l-gwerra tista’ tintemm.

“L-Ewropej se jingħaqdu fil-laqgħa li jmiss, u aħna nqisu dan bħala pass importanti ħafna, għax huma s-sħab tagħna u huwa importanti li jkunu involuti,” iddikjara Witkoff wara laqgħa f’Moska mal-President Russu Vladimir Putin nhar il-Ħamis.

Kien proprju fl-aħħar ġimgħat li l-Istati Uniti reġgħet intensifikat l-isforzi tagħha biex jintlaħaq ftehim ta’ paċi bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Biss, negozjati bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-Istati Uniti spiċċaw din il-ġimgħa mingħajr ebda avvanz konkret, hekk kif għadhom jeżistu nuqqasijiet kbar ta’ qbil b’mod partikolari dwar it-territorji.

L-involviment Ewropew fin-negozjati ilu prijorità għall-Ukrajna, speċjalment hekk kif l-appoġġ tal-Istati Uniti naqas matul l-amministrazzjoni Trump. Għalhekk l-Ukrajna daret lejn l-Unjoni Ewropea biex tikseb għajnuna u appoġġ għas-sigurtà tal-pajjiż wara t-tmiem tal-gwerra.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here