Bank Ċentrali: Tkabbir aktar mgħaġġel fl-ekonomija, b’suq tax-xogħol b’saħħtu u tnaqqis fl-inflazzjoni

Aqra wkoll

“Is-self lill-Gvern  kiber b’1.3 fil-mija fuq bażi annwali fit-tieni kwart tas-sena u dan wara żieda ta’ 1.6 fil-mija f’Marzu. It-tkabbir annwali tas-self lir-residenti barra l-Gvern  żdied għal 10.8 fil-mija fit-tieni kwart ta’ din is-sena, minn 9.9 fil-mija tliet xhur qabel. Dan irrifletta prinċipalment żieda aktar mgħaġġla fis-self lis-settur privat. It-tkabbir annwali fis-self lill-familji kien xprunat minn tkabbir aktar mgħaġġel kemm fis-self għad-djar kif ukoll fis-self għall-konsum u self ieħor.”

Dan iddikjarah il-Bank Ċentrali ta’ Malta hekk kif fl-aħħar sigħat ippubblika r-Rivista tiegħu ta’ kull tlett xhur. Il-Bank Ċentrali waqt li jiddikjara li l-prezzijiet tal-proprjetà residenzjali komplew jiżdiedu b’ritmu qawwi, jitkellem ukoll dwar il-kirjiet u jgħid li r-rata ta’ bidla annwali fil-kirjiet reklamati, li l-Bank jiġbor minn sorsi fuq l-internet, żdiedet b’ritmu aktar mgħaġġel fit-tieni kwart tas-sena 2026. Jgħid li l-istimi miksubin permezz ta’ diversi metodi jindikaw li l-kirjiet żdiedu b’rati annwali li jvarjaw bejn 7.1 fil-mija u 7.6 fil-mija fit-tieni kwart ta’ din is-sena.

Il-ġid nazzjonali reali annwali żdied b’ritmu aktar mgħaġġel

Il-Bank Ċentrali spjega li matul it-tieni kwart tas-sena 2026, il-ġid nazzjonali reali annwali żdied b’ritmu aktar mgħaġġel meta mqabbel mat-tlett hur ta’ qabel. It-tkabbir kien xprunat mid-domanda domestika, anke jekk taġġusta għall-impatt tal-importazzjoni. Ir-ritmu ekonomiku kien aktar b’saħħtu minn dak fiż-żona tal-ewro. Jgħid li  r-ritmu tal-attività ekonomika matul it-tieni kwart baqa’ ġeneralment konformi mal-medja storika tiegħu. Dwar is-suq tax-xogħol jgħid li fit-tieni kwart tas-sena 2026, is-suq tax-xogħol kompla jirreġistra żviluppi pożittivi, bl-attività u r-rati ta’ impjieg jiżdiedu u jkunu f’livell ogħla minn dawk fiż-żona tal-ewro. 

Jiddikajra li r-rata tal-qgħad żdiedet minn sena qabel iżda baqgħet ferm taħt dik fiż-żona tal-ewro. Il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol urew xi sinjali ta’ moderazzjoni, hekk kif kemm ir-rata ta’ postijiet tax-xogħol vakanti kif ukoll l-indikatur tal-iskarsezza fis-suq tax-xogħol irreġistraw tnaqqis. L-inflazzjoni għall-konsumatur immoderat matul it-tieni kwart tas-sena 2026. Din naqset għal 2.0 fil-mija f’Ġunju minn 2.3 fil-mija f’Marzu, filwaqt li r-rata li teskludi l-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel naqset minn 2.4 fil-mija għal 2.2 fil-mija. 

Is-suq tax-xogħol baqa’ wieħed b’domanda qawwija għall-ħaddiema

Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid li s-suq tax-xogħol kompla juri riżultati pożittivi, biż-żieda fir-rati tal-attività u tal-impjieg. Fit-tieni kwart tas-sena 2026, ir-rata tal-qgħad żdiedet iżda s-suq tax-xogħol baqa’ wieħed b’domanda qawwija għall-ħaddiema. Jgħid iżda li s-suq tax-xogħol wera xi sinjali ta’ moderazzjoni, hekk kif kemm ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala kif ukoll l-indikatur tat-tensjoni fis-suq tax-xogħol naqsu.

Fit-tieni kwart l-inflazzjoni naqset…tkabbir aktar kajman fil-kumpens għal kull impjegat

Il-Bank Ċentrali qal ukoll li l-inflazzjoni annwali, imkejla permezz tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP), niżlet għal 2.0 fil-mija f’Ġunju, minn 2.3 fil-mija f’Marzu. Dan kien prinċipalment dovut għal kontribuzzjonijiet aktar baxxi mill-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-ikel u tas-servizzi. Sadanittant, l-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI), li fost differenzi metodoloġiċi oħra jqis biss in-nefqa tar-residenti Maltin, kienet ta’ 2.5 fil-mija f’Ġunju, minn 2.7 fil-mija f’Marzu.

Il-Bank Ċentrali qal ukoll li “fit-tieni kwart tas-sena 2026, l-indiċi tal-ispejjeż tax-xogħol għal kull unità ta’ produzzjoni (ULC) ta’ Malta, żdied b’rata annwali aktar baxxa meta mqabbel mal-kwart ta’ qabel. Dan irrifletta tkabbir aktar kajman fil-kumpens għal kull impjegat u tkabbir aktar mgħaġġel fil-produttività għal kull persuna. 

Il-Bank Ċentali jkompli jgħid li l-proporzjon tad-defiċit tal-gvern ġenerali għall-ġid nazzjonali żdied minħabba tkabbir qawwi fin-nefqa. Id-defiċit kien ekwivalenti għal 3.5 fil-mija tal-ġid nazzjonali. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali għall-ġid nazzjonali żdied għal 47  fil-mija f’Ġunju, minn 45.7 fil-mija f’Marzu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport