Wednesday, April 24, 2024

L-OMM MHEDDA HIJA OMM PRIĠUNIERA

Ir-reazzjoni tagħna għar-rapport ta’ GRIEVO

Aqra wkoll

Nisimgħu ħafna dwar il-vjolenza domestika kemm mill-kabra tal-vittmi, mir-rakkonti ta’ tfal trawmatizzati, kif ukoll mingħand l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jippruvaw jindirizzaw din il-pjaga soċjali. Il-vjolenza domestika, li mhiex biss f’forma fiżika bit-tbenġil u l-ksur tal-għadam, hija pjaga li ggravat fi żmien il-pandemija tal-Covid-19 u aktar ma jgħaddu s-snin, aktar qiegħda titnawwar fis-soċjetà tagħna. Soċjetà, li suppost hija waħda ċivili.

Fl-2018 l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li mara minn kull tlieta hija vittma ta’ vjolenza domestika. Lokalment, mir-rapport annwali tal-Kummissjoni Kontra l-Vjolenza Domestika għall-2021, ħareġ li fl-2020 waħidha, ġew irreġistrati 4,400 każijiet ta’ vjolenza domestika, medja ta’ 12-il każ kuljum… wieħed kull sagħtejn u dawn huma biss li nafu bihom. 

Tajjeb li naċċennaw ukoll il-fatt li mill-2017 ta’ kull sena dawn ir-rapporti dejjem żdiedu (2017 – 2,672; 2018 – 3,033; 2019 – 3,685 u 2020 – 4,400). Minn informazzjoni mogħtija fil-Parlament hemm ukoll il-figura inkwetanti li din is-sena, sa Mejju, il-Pulizija diġà kellhom 690 rapporti ta’ dan it-tip. Fil-Qorti waħdu u dan it-tagħrif ukoll ħareġ mill-Parlament, hemm xejn inqas minn 52 seduta li huma ddedikati għall-kawżi ta’ vjolenza domestika. 

Il-vjolenza domestika huwa abbuż ikrah u l-ammont ta’ każijiet li qegħdin naraw huma wisq. Biss biss, meta naħsbu ftit li ma kull tliet nisa li niltaqgħu magħhom, waħda minnhom għaddejja minn dik it-tbatija, id-demm mingħajr ma trid jibda jbaqbaq. Dan aktar u aktar meta din tkun omm u hemm it-tfal innoċenti fin-nofs. Tfal li jisimgħu dak l-għajjat, jaraw lil ommhom tissawwat u f’xi każijiet, jinħaqru huma wkoll. 

Inkwetanti hija t-twissija ta’ GRIEVO. Dik li hemm ommijiet li meta jrabbu l-kuraġġ biex joħorġu minn dan l-ambjent abbużiv u perikoluż, dawn jiġu mhedda bl-ulied. Mhedda li jeħdulhom jew li jweġġgħulhom lil uliedhom. Dan meta t-tfal għaliha huma l-aktar ħaġa għażiża. 

Huwa għalhekk li ħafna drabi, omm f’dawn iċ-ċirkostanzi diżumani tagħżel li ma titlaqx. Tagħżel li tibqa’ tissawwat u titkasbar. Basta uliedha jibqgħu qawwijin u sħaħ u magħha. Din l-omm hija mhedda. Din l-omm hija priġuniera. Din l-omm hija priġuniera tal-agressur tagħha. 

Il-vittmi tal-vjolenza domestika, inklużi dawn l-ommijiet imma mhux biss, isibu ruħhom f’sitwazzjoni li jaħsbu li ma jistgħux joħorġu minnha. Iżda dan m’għandux ikun hekk u mhuwiex hekk. Pajjiżna mhuwiex ċass għal din ir-realtà. F’dawn l-aħħar snin il-Gvern qiegħed jagħmel minn kollox biex jindirizza din is-sitwazzjoni. Dan bl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul b’leġislazzjonijiet, politika u provvedimenti ta’ servizzi. Illum żdied l-għarfien b’kampanji. Żviluppa Kummissjoni, għandna Kummissarju u Kumitat Interministerjali. Hemm l-Appoġġ, ix-shelters, is-servizzi legali bla ħlas, helplines u sezzjoni fil-Pulizija apposta għal każijiet ta’ vjolenza domestika. Dawn kollha u aktar qegħdin hemm biex jassistu lill-vittmi, inklużi lit-tfal. 

Le. Omm m’għandhiex tkun priġuniera. Il-vittmi ta’ vjolenza domestika kollha għandhom jagħmlu użu minn dawn is-servizzi. Għalhekk qegħdin hemm. Għandhom jitolbuhom bi dritt. Min iwiegħed u jipprovdi dawn is-servizzi għandu jieħu ħsieb li jagħti l-protezzjoni u l-għajnuniet kollha meħtieġa. 

It-triq għadha twila imma rridu nkomplu naħdmu. Hekk biss nistgħu nassiguraw li qegħdin b’mod effettiv niġġieldu din il-pjaga soċjali ta’ Żmien il-Ħaġar. Hekk biss nistgħu tassew ikollna tolleranza żero għall-vjolenza domestika.

Sport