Saturday, December 14, 2024

L-opinjoni fuq Putin madwar id-dinja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

F’ħafna mill-pajjiżi tal-punent, teżisti l-perċezzjoni li l-maġġoranza tan-nies madwar id-dinja, b’xi mod jew ieħor, huma kontra l-invażjoni tal-Ukrajna mill-armata Russa ta’ Vladimir Putin. Din il-perċezzjoni hija bbażata fuq l-konvinzjoni tan-nies tal-pajjiżi tal-punent li kull pajjiż għandu d-dritt li jiddeċiedi l-futuri tiegħu mingħajr l-indħil ta’ pajjiżi oħra. Din il-konvinzjoni tmur kontra l-politika ta’ Vladimir Putin li l-pajjiżi l-kbar għandhom imexxu b’mod dirett u indirett lil pajjiżi oħra li jaqgħu taħt l-isfera tal-influenza tagħhom. 

Kif jaħsbuha n-nies fuq l-invażjoni tal-Ukrajna

Il-konvinzjoni ta’ ħafna nies li jgħixu fil-pajjiżi tal-punent, jiġifieri li kważi kull pajjiż jaħsibha bħalhom rigward l-invażjoni tal-Ukrajna, hija bbażata fuq dak li seħħ fil-bidu ta’ Marzu li għadda. Ezattament fit-3 ta’ Marzu, fi ħdan l-Ġnus Magħquda, xejn anqas minn 141 pajjiż ikkundanaw l-invażjoni mill-armata Russa tal-pajjiż ġar tagħha. Kienu biss hames pajjiżi li urew l-appoġġ tagħhom għad-deċiżjoni ta’ Vladimir Putin, filwaqt li 35 pajjiż ieħor iddeċidew li ma jiħdux pożizzjoni fuq il-gwerra ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

Meta wieħed iħares lejn dawn in-numri b’mod superfiċjali, hija l-aktar ħaġa faċli li wieħed jifhem għalfejn ħafna min-nies tal-pajjiżi membri tan-NATO u tal-Unjoni Ewropea qegħdin jaħsbu li teżisti kważi kundanna totali kontra l-aġir ta’ Putin. 

Però, meta wieħed jidħol aktar fid-dettall tal-analiżi ta’ dawn in-numri li semmejna, l-istampa tinbidel b’mod drastiku għall-aħħar. Fil-fatt, meta wieħed jikkonsidra n-numru ta’ nies li jgħixu fil-pajjiżi li kkundannaw l-invażjoni tal-Ukrajna, wieħed isib li dawn jammontaw biss għal terz tal-popolazzjoni tal-pajjiżi kollha li ħadu sehem f’din il-votazzjoni tal-Ġnus Magħquda. 

Fil-35 pajjiż li għażlu li jibqgħu newtrali f’din il-kwistjoni, jgħixu wkoll kważi terz ieħor tan-nies. Dawn il-pajjiżi jinkludu pajjiżi bħall-Indja, u pajjiżi li sa ċertu punt huma kkunsidrati bħala alleati tal-Istati Uniti, fosthom l-Għarabja Sawdita u l-Emirati Għarab Maghquda. Allura, dan ifisser li f’dawk il-ħames pajjiżi li għażlu li jiġġustifikaw dak li għamel Putin hemm nies daqs il-141 pajjiż li kkundannawh. Naturalment, dan minħabba li fost il-ħames pajjiżi li taw l-appoġġ lil Putin hemm iċ-Ċina, il-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja, popolazzjoni li llum kważi tlaħħaq il-biljun u nofs ruħ, ammont li huwa ftit akbar mill-popolazzjoni tal-istess Indja.

Minn fejn ġejja din il-bruda?

Minkejja li għalina li ngħixu f’kultura bbażata fuq dik tal-pajjiżi tal-punent tinħass ħaġa mill-aktar ovvja li l-aġir ta’ Putin huwa wieħed ta’ min jikkundannah mingħajr riservi. Minn din l-analiżi numerika joħroġ fattur inkwetanti ħafna, jiġifieri li hemm il-maggoranza tan-nies madwar id-dinja li qegħdin ikunu esposti għal propaganda favur Putin jew għal waħda li tinkoraġġixxi indifferenza totali għas-sofferenzi li bħalissa għaddejin minnhom 44 miljun ċittadin Ukren.

Allura, wieħed ma jistax ma jistaqsix minn fejn ġejja din il-bruda mill-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni dinjija fil-konfront ta’ pajjiż li ġie invadut minn pajjiż ieħor b’mod sfaċċat għall-aħħar. L-ewwel raġuni tista’ tkun li ċertu pajjiżi jridu mir-Russja f’dak li huwa xiri ta’ armamenti u prodotti oħra. Raġuni ohra tista’ tkun gejja minn certu element ta’ nostalġija minn ċertu sezzjonijiet tal-popolazzjoni dinjija għal żmien l-Unjoni Sovjetika. 

Però, l-aktar raġuni importanti li ħafna nies qegħdin joqogħdu lura milli jappoġġjaw l-alleanza mill-punent li qiegħda tgħin lill-Ukrajna ġejja mit-telfien tal-fiduċja fl-Istati Uniti u fil-pajjiżi Ewropej minn ħafna pajjiżi fqar madwar id-dinja. Għal ħafna minn dawn il-pajjiżi, l-Istati Uniti, l-aktar fi żmien Barak Obama u fi żmien Donald Trump, għażlu li jħallu kollox għaddej meta Putin attakka lil Georgia. L-istess għamlu meta l-President Sirjan, Bashar al Assad, uża armamenti kemikali fuq il-Kurdi lura fl-2013. L-istess ġara meta l-istess Putin invada l-Krimea. 

Barra minn hekk, ħafna mill-pajjiżi tat-tielet dinja tilfu ħafna mill-fiduċja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea minħabba l-Brexit. Fuq kollox, ħafna minn dawn il-pajjiżi fqar kienu ddiżgustati bil-mod ta’ kif il-pajjiżi tal-punent qagħdu lura milli jgħinuhom matul il-pandemija billi għażlu li jistokkjaw ħafna vaċċini minflok għamlu bħar-Russja u ċ-Ċina li bagħtulhom ammonti kbar tal-vaċċini tagħhom.

Raġuni oħra li setgħet waslet lil ċertu pajjiżi madwar id-dinja sabiex ma jikkundannawx l-invażjoni Russa hija minħabba li dawn ma jarawx ċertu konsistenza fid-deċiżjonijiet li jieħdu l-Istati Uniti fil-konfront ta’ pajjiżi aggressuri. Ħafna minnhom spiss isaqsu għalfejn l-Istati Uniti invadew lill-Iraq meta Saddam Hussein kien daħal fil-Kuwait u lil Putin iħalluh jagħmel li jrid. 

Naturalment, minkejja li hemm ċertu element ta’ ġustifikazzjoni fid-diżappunti ta’ dawn il-pajjiżi fil-konfront tal-pajjiżi tan-NATO, żgur li ma jagħmilx xejn li dawn il-pajjiżi jappoġġjaw il-viżjoni ta’ Vladimir Putin. Dawn il-pajjiżi għandhom iħarsu sew lejn dak li qiegħed jiġri lill-Ukrajna u jiftħu għajnejhom beraħ li l-istess jista’ jiġri lilhom jekk il-viżjoni ta’ Putin u ta’ mexxejja oħra awtokratici, jiġifieri dik li pajjiżi kbar imexxu pajjiżi oħra qrib tagħhom, issir realtà. 

Huwa proprju ghalhekk li l-eżitu tal-gwerra tal-Ukrajna jmur oltre’ mid-destin taċ-ċittadini Ukreni. In-naħa rebbieħa sejra tagħti imbuttatura lejn kif sejra tkun qiegħda tiżvolgi l-politika globali. Fuq naħa għandek il-viżjoni taċ-Ċina u r-Russja li għandu jerġa’ jinħoloq il-mudell ta’ żmien l-Unjoni Ewropea jigifieri dak ta’ gruppi ta’ pajjiżi li kull wieħed minnhom ikun iddominat minn xi pajjiż kbir u b’ċertu saħħa militari u fuq in-naha l-oħra għandek il-mudell li għalih l-Ukrajna qiegħda tiġġieled, jiġifieri li kull pajjiż ikollu d-dritt li jiddeċiedi l-futur tiegħu mingħajr indħil. 

Ekonomija

Sport